It-tim Malti rreġistra prestazzjoni pożittiva fil-Kampjonati Ewropej tal-Ġiri Off-Road f’El Paso, fil-Gżejjer Kanarji, Spanja, avveniment kontinentali li jgħaqqad id-dixxiplini tat-trail u l-mountain running. Malta rnexxilha tikseb numru ta’ pożizzjonijiet tajbin fl-avvenimenti differenti, bl-aqwa riżultat ikun l-10 post f’mountain run ta’ 18-il kilometru, quddiem qawwiet fil-ġiri bħall-Portugall, l-Irlanda u d-Danimarka.
It-tim għal din it-tellieqa kien iffurmat minn Luke Micallef ta’ Pembroke, li kien qed jiġri 48 siegħa biss wara tellieqa diffiċli ħafna ta’ 9km kollha għat-tela’, li temm l-24 pożizzjoni fost uħud mill-aqwa atleti Ewropej fid-dixxiplina, kif ukoll Simon Spiteri (St Patrick) u Aidan Tanti (La Salle), li wkoll niżżlu isimhom mal-aqwa 50 atleti Ewropej. Fost in-nisa, Tara Abdilla (La Salle) klassifikat fit-48 post, b’ġirja b’saħħitha għal din l-atleta stabbilita.
Fit-tellieqa Classic Uphill, ta’ 9km, Micallef daħal fit-30 post, wara battalja twila maċ-ċampjin Ewropew renjanti Jacob Adkin tar-Renju Unit, bl-Ingliż jidħol ħames sekondi qablu. Jake Fenech (Libertas) ukoll ħa sehem f’din it-tellieqa, li saret fuq rotta mill-aktar diffiċli b’elevazzjoni ta’ aktar minn kilometru fuq din id-distanza. Fost in-nisa, Rachel Borg ta’ Pembroke, ir-rebbieħa tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Mountain Running tal-2022, u Carmen Hili ta’ St Patrick AC temmew fl-40 u l-41 post rispettivament.
L-akbar sfida kienet għal Ryan Farrugia li kkompeta f’tellieqa trail ta’ 47 kilometru, fejn temm fit-33 post f’ħin ta’ 4 sigħat u 48 minuta, quddiem atleti ta’ esperjenza minn Spanja, l-Awstrija, l-Italja u l-Irlanda.
Aktar minn 280 atleta minn 24 pajjiż ħadu sehem f’dawn il-Kampjonati.
Id-delegazzjoni Maltija tmexxiet minn Gerald Grech u kienet appoġjata minn Malta Mountain and Trail Running, Athletics Malta u Visit Malta.