L-Erbgħa filgħaxija saret it-tieni edizzjoni tal-Premju ‘Servizz bi Tbissima’, organizzata mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur l-MCCAA, fejn kienu ppremjati kumpaniji lokali nominati mill-klijenti nfushom għas-servizz tajjeb li rċevew.
L-ewwel premju ntrebaħ mill-kumpanija Smart Supermarket filwaqt li fit-tieni u fit-tielet post ġew il-kumpaniji Pavi Supermarket u Pama Supermarket rispettivament. Il-kumpanija E-Cabs rebħet il-premju speċjali mogħti mill-GRTU lill-membri tagħha għas-servizz tajjeb li toffri.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar l-importanza li l-konsumatur jirċievi servizz tajjeb u ta’ livell.
Il-Ministru Dalli qalet li huwa importanti li kemm il-konsumaturi u anke l-bejjiegħa jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom biex ikun hemm serenità f’din ir-relazzjoni bejn min qed jixtri u min qed ibigħ kif ukoll is-servizz li qed jiġi offrut. Hija emfasizzat il-ħtieġa li titjieb l-esperjenza tax-xiri billi aktar ażjendi lokali jmorru għal sistema onlajn. F’dan ir-rigward qalet li l-MCCAA trid taħdem mill-qrib mal-GRTU li tirrappreżenta lis-sidien tan-negozji.
Meta rreferiet għar-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-konsumatur magħruf bħala Consumer Market Scoreboard li qabbel is-sitwazzjoni tas-swieq fl-2015 mas-sena 2013, il-Ministru Dalli fissret kif Malta rnexxielha tagħmilha mal-aqwa tliet pajjiżi fl-Ewropa fejn jidħlu n-negozju u l-konsumaturi. “Dan ir-riżultat juri li mexjin ‘il quddiem f’dan is-settur u jikkonferma li hemm livell ta’ informazzjoni fost il-konsumaturi Maltin li dejjem qed jogħla” kompliet il-Ministru Dalli.