Malta tpoġġiet mal-aqwa ħames pajjiżi fid-dinja li qed jirreżistu l-pandemija tal-Coronavirus.
Dan sostnietu l-aġenzija Ġermaniża ta’ klassifikazzjoni, Scope Ratings.
Din l-aġenzija għamlet analiżi dettaljata u evalwat 63 pajjiż madwar id-dinja dwar kif kull pajjiż qed jirnexxielu jirreżisti l-effetti tal-COVID-19.
Fi stqarrija l-Gvern qal li pajjiżna huwa l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li kien ikklassifikat daqshekk fl-għoli.
Fil-fatt aħjar minn Malta hemm biss it-Tajwan, iċ-Ċina, l-Iżvizzera u t-Tajlandja.
Pajjiżi bħal Ċipru, il-Kroazja u r-Rumanija qegħdin ferm isfel fil-klassifika.
Fost ir-raġunijiet għal dan iċ-ċertifikat pożittiv għal pajjiżna, l-esperti tal-iscope Ratings innuttaw il-qagħda ferm tajba tal-bilanċ tal-pagamenti internazzjonali ta’ pajjiżna, li għandu fost l-akbar surplus fid-dinja.
Ir-rapport innota li barra minn hekk pajjiżna għandu piż ta’ dejn nazzjonali baxx, filwaqt li dan id-dejn m’huwiex dovut lil barranin.
Il-Gvern irrimarka li dan iċ-ċertifikat pożittiv għall-pajjiżna ġej wara l-konklużjonijiet ta’ tliet aġenziji internazzjonali ta’ kreditu li huma Fitch, Moody’s u Standard & Poor’s.
Fl-aħħar ġimgħat, dawn ilkoll ikkonfermaw li minkejja l-pandemija tal-COVID-19, il-prospetti għall-klassifikazzjoni ta’ pajjiżna huma stabbli.
Dan filwaqt li l-fond monetarju internazzjonali bassar li pajjiżna se jkun l-inqas pajjiż li jieħu daqqa negattiva ekonomika minn fost l-istati membri minħabba l-pandemija.