Is-sit awtorevoli Forbes innota lil pajjiżna bħala destinazzjoni favorita għal din is-sena l-ġdida għal turisti li qed ifittxu vakanza ta’ lussu.
Forbes fil-fatt ikkwota numru ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar u l-informazzjoni li għandhom mingħand turisti li jagħmlu kuntatt magħhom hekk kif tat elenku ta’ numru ta’ pajjiżi.
Fil-fatt, fosthom kien hemm Malta hekk kif Forbes ifakkar kif pajjiżna din is-sena se jkun qed jiċċelebra l-ħamsin sena mindu sar Repubblika.
Forbes isostni kif pajjiżna għandu storja formidabbli u kultura varja.
Isemmi wkoll kif fl-2024 se jkun hemm il-ftuħ ta’ Casa Bonavita, li tmur lura għas-Seklu Tmintax u l-ftuħ uffiċjali tal-Ispazju Malti għall-Arti Internazzjonali kontemporanja, magħruf aħjar bħala l-MICAS.
Hawn Forbes ifakkar kif dan l-ispazju se jservi bħala pjattaforma unika għal talent lokali ta’ arti kontemporanja, filwaqt li l-ħidma fi ħdanu se tkun ikkordinata ma’ istituzzjonijiet internazzjonali.
Tul is-sena li għaddiet, siti internazzjonali, bħal The Guardian u s-CNN, kitbu wkoll dwar is-sbuħija ta’ pajjiżna, fejn intqal li f’Malta hemm “dinja fuq tliet gżejjer fil-Mediterran.” Fil-fatt, fl-artiklu tas-CNN intqal li pajjiżna hu mogħni b’temp sabiħ u dan jagħmlu perfett biex wieħed iżur pajjiżna għall-btala.
Minbarra hekk, is-CNN kien semma wkoll postijiet ta’ interess li wieħed għandu jmur meta jżur pajjiżna, fosthom il-Belt Valletta u t-Tlett Ibliet tal-Kottonera.
Dawn l-artikli internazzjonali, segwiti minn miljuni ta’ persuni, juru r-reputazzjoni tajba li għandu pajjiżna u jesponu s-sbuħija lokali b’mod internazzjonali.