Għall-ewwel darba, Malta tinsab mal-aqwa għoxrin bandiera fid-dinja, f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur marittimu, hekk kif pajjiżna ġie kklassifikat fl-erbatax-il post.
Dwar dan, ONE News tkellem mar-Reġistratur Ġenerali tat-Tbaħħir fi ħdan Transport Malta, Ivan Sammut, li spjega kif minkejja l-isfidi tal-pandemija, il-pożizzjoni ta’ Malta f’din il-lista globali baqgħet tissaħħaħ.
Huwa spjega: “Hija turi l-performance tar-reġistru merkantili. Dan kull vapur li għandek reġistrat Malta, anke jidħol f’portijiet madwar id-dinja, jista’ jiġi spezzjonat sabiex wieħed jara u jiċċekkja, liema standards qed jinżammu f’dawn il-vapuri.”
Pajjiżna jinsab fil-lista l-bajda f’dan is-settur. Xi ħaġa li twassal biex ikunu attirati l-operaturi.
Sammut sostna: “Din tfisser ukoll għal Malta tfisser li ħa jkollok reputazzjoni ta’ kwalità akbar. Jiġifieri inti operatur, xi ħaġa li jfittex meta jagħżel bandiera hija l-performance tal-bandiera tar-reġistru għax jista’ jkollu impatt fuqu u fuq l-operat tiegħu.”
Transport Malta taħdem bla waqfien biex isiru spezzjonijiet kontinwi, anke fuq opri tal-baħar li jġorru l-bandiera Maltija u jinsabu f’ibħra barranin.
Sammut tenna: “Min-naħa tagħna, aħna jsiru numru kbar ta’ spezzjonijiet fuq il-vapuri tagħna, biex naraw li dawn ikunu apprassi mal-liġijiet internazzjonali, kif ukoll dawk nazzjonali.”
Huwa temm jgħid li l-bandiera Maltija fis-settur marittimu għandha reputazzjoni kbira, hekk kif ir-reġistru huwa l-akbar wieħed fl-Unjoni Ewropea u s-sitt l-akbar fid-dinja.