Malta ġiet maħtura bħala l-ewwel Kapitali Dinjija għan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza mir-Royal Academy for Science International Trust.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn intqal li din l-iniżjattiva globali tħeġġeġ l-ekwità, id-diversità u l-inklużjoni fl-oqsma kollha tax-xjenza u tpoġġi dawn il-kwistjonijiet fil-qalba tal-attenzjoni tad-dinja għal ċelebrazzjoni ta’ sena.
Pajjiżna kien minn dawk li taw bidu għall-proċess li wassal biex il-11 ta’ Frar ġie meqjus bħala l-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza tal-Ġnus Magħquda.
Bħala l-Belt Kapitali Dinjija, Malta hija meħtieġa twettaq skeda ta’ avvenimenti xjentifiċi, soċjali, kulturali, u ekonomiċi li se jappellaw għal udjenza kbira madwar id-dinja.
F’dan ir-rigward, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Christopher Cutajar, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella u l-Prof Alfred J. Vella, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, iffirmaw dikjarazzjoni ta’ prinċipji biex jikkooperaw fuq materji relatati man-nisa u l-bniet fix-xjenza, u jorganizzaw għadd ta’ avvenimenti.