Analiżi mis-sit awtorevoli Vogue dwar l-aktar destinazzjonijiet favoriti għall-vaganzi tas-sajf fost il-membri tal-familja rjali Britannika indikat lil Malta bħala l-ewwel waħda, partikolarment minħabba r-rabta li kellha ma’ pajjiżna r-Reġina Eliżabetta II.
Il-monarka, li mietet fit-8 ta’ Settembru tas-sena l-oħra, għexet fostna għal perjodu ta’ żmien, l-uniku pajjiż barra r-Renju Unit fejn għamlet dan.
Kif inhu magħruf sew, hi għexet f’Villa Guardamangia f’Tal-Pietà bejn l-1949 u l-1951, sakemm kienet għadha Prinċipessa, iżda żaritna numru ta’ drabi anke wara li ġiet inkurunata Reġina tal-akbar imperu mal-mewt ta’ missierha r-Re Ġorġ VI fi Frar tal-1952.
Vogue spjega li, minbarra l-imħabba li kellha għall-Iskozja, ir-Reġina Eliżabetta baqgħet b’rabta partikolari ma’ Malta, fost oħrajn.
Waqt żjara li kienet għamlet f’Malta ftit tas-snin ilu, hi stqarret li Malta kellha post speċjali f’qalbha u li kull darba li kienet iżżurha kienet tiftakar fil-ġranet sbieħ li qattgħet mal-Prinċep Philip meta kienu għadhom kif iżżewġu. Dak li kellu jsir id-Duka ta’ Edinburgh dak iż-żmien kien stazzjonat mal-Qawwiet Navali Ingliżi fostna.
Skont is-sit internazzjonali, ir-Reġina qassmet il-konnessjoni personali li kellha mal-gżira mad-Dukessa ta’ Sussex, Meghan Markle, li vvjaġġat lejn Malta fl-2015 biex issir taf aktar dwar il-bużnanna tagħha Mary Bird. Dakinhar hi wkoll kienet faħħret is-sbuħija naturali ta’ pajjiżna fil-blog tagħha, li llum il-ġurnata m’għadux jiffunzjona.
Fl-aħħar jiem il-gazzetta The Mirror ukoll ippubblikat artiklu dwar l-esperjenzi tar-Reġina Eliżabetta fostna, partikolarment meta tgħallmet tirkeb iż-żwiemel fil-Marsa u l-eċċitament f’okkażjoni minnhom ta’ 24 sena għal ftit ma weġġgħetx waqt li pprovat tilgħab il-polo. Dwar dan ukoll ippubblikat ittra li kienet kitbet għal persuna li kien ħarriġha f’dan l-isports.
Fost destinazzjonijiet oħrajn favoriti mal-familja rjali Britannika li ġew imsemmija minn Vogue hemm ukoll Mallorca fi Spanja, Corfu fil-Greċja, il-Karibew, il-Botswana, il-Bahamas u s-Seychelles.