F’messaġġ, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo saħaq li l-problema tal-immigrazzjoni hija responsabilità kollettiva.
Qal li jeħtieġ li minn Malta jiġu rilokati numru ta’ immigranti lejn pajjiżi oħra Ewropej.
Il-Ministru Bartolo qal li ċertu pajjiżi jsaqsu lil Malta għala qed tilmenta issa iżda dawn ma jafux li fl-ewwel tliet xhur kellna żieda ta’ 438% ta’ wasliet ta’ immigranti f’pajjiżna.
“F’April dan in-numru ttripla”, saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Spjega kif meta daħlu 1,500 immigrant mill-bidu ta’ din is-sena, kienu biss Franza u l-Portugall li wegħdu li jieħdu 36 immigrant.
Aċċenna li Malta ma tistax iġorr dan il-piż sproporzjonat waħidha meta qed tipproteġi l-fruntiera esterna tal-Ewropa.
Filwaqt li qal li Malta trid tagħmel il-parti tagħha, saħaq li meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea kien jemmen li daħal f’unjoni ta’ pajjiżi li jaqsmu l-aspirazzjonijiet, il-valuri u r-responsabbiltajiet.
Qal li pajjiżna jemmen fis-solidarjetà u li dan il-prinċipju ta l-ħajja lill-Unjoni Ewropea u kemm il-darba dan jonqos allura ddgħajjef ruħ l-Ewropa li hi mibnija fuq il-valur tas-solidarjetà.