Malta llum qed tosserva jum ta’ luttu nazzjonali b’rabta mal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia, li nqatlet b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru.
Il-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia se jkun qed isir illum għall-ħabta tas-14:00 fir-Rotunda fil-Mosta bil-quddiesa se tkun ċċelebrata mill-Mons. Charles J. Scicluna
L-awtoritajiet tal-pajjiż mhux se jkunu preżenti għall-funeral tagħha. Dan wara li l-qraba għamluha ċara li l-awtoritajiet tal-istat mhumiex mixtieqa fil-funeral.
Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet ix-xewqa li tattendi għall-funeral, iżda l-uffiċċju tagħha qal li l-familja permezz ta’ terzi persuni infurmawha li ma jixtiequx attendenza minn rappreżentanti tal-pajjiż. Il-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll mhux se jkun qed jattendi u se jkun qed jirispetta x-xewqa tal-familjari.
Il-qraba ta’ Caruana Galizia talbu wkoll li ma jkunx preżenti għall-funeral, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Il-familjari kkonfermaw l-attendenza tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani li stieden lill-familja Caruana Galizia għal sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew li sellmet il-memorja ta’ Caruana Galizia.