Ħafna drabi nassoċjaw il-libreriji pubbliċi mal-kotba fiżiċi u l-kotba diġitali iżda forsi ftit li xejn jgħaddilna minn moħħna li jeżistu wkoll kotba li l-kontenut tagħhom ikun irrekordjat biex wieħed ikun jista’ jisimgħu flok jaqrah. Dawn it-tip ta’ kotba huma magħrufa bħala audiobooks.
F’April tal-2017 il-Malta Libraries aġġornat is-servizz tagħha tal-audiobooks u introduċiet servizz aktar modern magħruf bħala Talking Books. Għaldaqstant, is-servizz tat-Talking Books ħa post is-Services for the Blind li kien ilu jopera mill-1968 biex filwaqt li jkun diġitalment aktar aġġornat maż-żminijiet tal-lum, jinkludi fih varjeta akbar ta’ audiobooks. B’dan il-mod minflok is-sistema ta’ casettes, permezz tas-servizz tat-Talking Books ir-recording beda jiġi konvertit f’mp3 format.
Dan is-servizz hu offrut lill-persuni li huma neqsin mid-dawl jew persuni li għandhom problema biex jaqraw kitba stampata. Attwalment hemm ’il fuq minn 140 membru li huma abbonati f’dan is-servizz.
Ġaladarba persuna tirreġistra għas-servizz tat-Talking Books, jintbagħtilha katalgu bil-posta, u minnu tkun tista’ timmarka l-preferenza tal-ktieb jew kotba li tixtieq tisma’. L-audiobooks ikunu fuq pen drive u jistgħu jinstemgħu fuq kompjuter jew apparat diġitali ieħor apposta.
Kull pen drive ikollha ktieb wieħed li jista’ jintgħażel mill-katalgu. Fil-katalgu hemm varjeta sħiħa ta’ kotba fosthom rumanzi, drammi, bijografiji u dawk marbuta mar-reliġjon. Kull membru jista’ jissellef tliet kotba għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat. Iż-żmien tas-self jista’ jiġi mġedded biex dak li jkun jista’ jżomm l-audiobook għall-perjodu itwal ta’ żmien.
Bi qbil li sar mal-Maltapost is-servizz tal-posta għall-persuni li huma nieqsa mid-dawl huwa bla ħlas.
Jekk tixtieq tibda tissellef it-Talking Books ibgħat email fuq talkingbooks.library@gov.mt jew ċemplina fuq +356 2598 3529/30 għal aktar informazzjoni.