Waqt żjara fir-Russja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Evarist Bartolo kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, Sergey Lavrov.
F’din il-laqgħa l-Ministru Bartolo ħabbar li ladarba jirċievi struzzjonijiet tal-Gvern Libjan, il-Gvern Malti lest li jibgħat il-biljun u mitejn miljun dinar li bħalissa jinsabu f’Malta, biex jintużaw għall-ġid tal-poplu Libjan li tant ġarrab tbatijijiet matul is-snin.
Hawnhekk l-Ministru Bartolo qal li Malta hija kuntenta ħafna bit-titjib kontinwu tar-rabtiet fil-kummerċ u t-turiżmu bejn Malta u r-Russja u ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin, Malta u r-Russja se jiffirmaw ftehimiet ġodda fl-oqsma tal-isport, il-kultura u s-saħħa.
B’referenza għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani, il-Ministru Bartolo spjega li Malta u r-Russja jinsabu fuq l-istess paġna u li l-waqfien mill-ġlied waħdu mhuwiex se jsolvi din il-kwistjoni traġika.