Malta lesta li tħallas l-ispejjeż għall-ħsarat tal-bastiment fuq livell umanitarju u wara li jitla’ s-surveyor marittimu.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li pajjiżna ħa pożizzjoni ċara mal-ewwel, fejn intbagħat mal-ewwel is-sokkors.
Wara li ġie kkontrollat in-nirien, ġie assigurat li n-nies jinsabu siguri fuq il-bastiment.
Hawnhekk intqal li Malta għamlet diversi offerti biex dawk abbord jitniżżlu f’pajjiżna, iżda din l-offerta ġiet irrifjutata. Intqal li din l-offerta għadha miftuħa.
Il-Prim Ministru spjega li hemm ukoll żewġ patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta, li kienu u għadhom viċin dan il-bastiment fl-ibħra internazzjonali.
Fis-sigħat li għaddew, Malta għamlet offerta li jitla’ surveyor marittimu biex jitla’ jara xi ħsarat hemm u jekk jistgħux jissewwew fuq il-post. Bil-kaptan tal-vapur irrifjuta din l-offerta.
Sigħat qabel kien hemm negozjaturi tal-Pulizija biex jitilgħu fuq il-bastiment, iżda l-kaptan irrifjuta. Bil-Pulizija u l-bastiment għamlu kuntatt permezz tar-radju.
Ġie spjegat ukoll li n-nies abbord għadhom ma tawx lista ta’ x’hemm fuq il-bastiment.