Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa li matul din is-sena, il-prezzijiet tal-fjuwil m’għolewx.
F’analiżi li għamel is-sit thejournal.mt, il-prezzijiet tal-petrol f’pajjiżna kienu tnax-il ċenteżmu rħas mill-medja Ewropea.
Il-prezz tad-diesel kien disa’ ċenteżmi rħas mill-medja Ewropea.
The Journal jinnota li l-politika tal-Gvern Malti, ta’ stabilità fil-prezzijiet tal-fjuwil, waslet biex pajjiżna ma jesperjenzax żieda fil-prezz tal-petrol u d-diesel.
Fil-fatt din is-sena, is-sewwieqa fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea kienu kostretti jħabbtu wiċċhom ma’ żieda ta’ 11% fil-prezz tal-fjuwil.
The Journal jirrapporta li kieku mhux għall-istabilità fil-prezzijiet tal-fjuwil, kieku pajjiżna esperjenza l-istess żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil bħal ma esperjenzat il-bqija tal-Ewropa waqt pandemija.
Il-prezz tal-petrol f’pajjiżna huwa għal kull litru, tlieta u erbgħin ċenteżmu rħas mill-Olanda filwaqt li s-sewwieqa f’Malta jħallsu għal kull litru, sitta u tletin ċenteżmu inqas minn dawk fl-Iżvezja, għad-diesel.
Minn April tal-2013, il-prezz tal-petrol f’Malta niżel bi sbatax-il ċenteżmu filwaqt li d-diesel raħas b’dsatax-il ċenteżmu.
Jekk inħarsu lejn il-kumplament tal-Ewropa, il-prezz tal-petrol u d-diesel raħas ferm b’inqas.
Il-petrol fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea raħas b’għaxar ċenteżmi u d-diesel bi tnax-il ċenteżmu.
Bejn l-2008 u l-2013, fi żmien il-Gvern ta’ GonziPN, il-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna għola ferm b’aktar mill-Ewropa, anki jekk kulħadd kien f’baħar wieħed jaffaċċja l-kriżi taż-żejt.
Fil-fatt f’Malta l-prezz tal-petrol żdied b’disgħa u tletin ċenteżmu u tad-diesel għola b’sitta u tletin ċenteżmu, ħmistax fil-mija iżjed mill-medja Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezz tal-petrol u tmintax fil-mija iżjed mill-medja Ewropea fejn għandu x’jaqsam il-prezz tad-diesel.
Dan ifisser li filwaqt li bejn l-2008 u l-2013, il-prezzijiet tal-fjuwil f’Malta għolew bid-doppju tal-medja Ewropea, mill-2013 ’il quddiem, il-prezzijiet tal-fjuwil f’Malta raħsu darba u nofs iżjed mill-medja Ewropea.
The Journal jgħid li huwa għalhekk li r-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna hija iżjed baxxa mill-kumplament tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.