Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta huwa l-pajjiż ideali għal kumpaniji fir-Renju Unit li jridu jżommu l-preżenza tagħhom fir-Renju Unit iżda qed jimmiraw li jkollhom aċċess ukoll għas-suq Ewropew f’każ ta’ Brexit.
Il-Prim Ministru qal dan waqt li kien qed jindirizza attività mtella’ mill-UK-Malta Business Task Force, f’kollaborazzjoni mal-Belt ta’ Londra u li għaliha kienu preżenti sidien ta’ negozji Ingliżi u dawk li jfasslu l-politika.
Dr Muscat qal li ma jemminx li n-negozji se jitilqu kompletament mill-Ingilterra minħabba Brexit. Qal li għalhekk pajjiżna huwa lest li joffri l-opportunità biex waqt li l-kumpaniji jżommu preżenza fir-Renju Unit, dawk li qed jippjanaw li jkollhom aċċess għas-suq Ewopej, jiftħu fergħa f’pajjiżna. Il-Prim Ministru qal li irrispettivament minn dak li se joħroġ min-negozjati ta’ Brexit, il-Gvern qed jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara tant li bosta fl-industrija qed jilqgħu b’mod pożittiv din l-attitudni.
Il-Prim Ministru saħaq li t-trasparenza fis-servizzi finanzjarji ta’ Malta u r-reġistrazzjoni tal-kumpaniji se jkunu ta’ vantaġġ kompetittiv għal Malta ħafna aktar minn qatt qabel.
Huwa qal li waqt li Malta tista’ titlef xi negozji minħabba dan, madankollu sostna li xorta waħda pajjiżna se jkun qed jiġbed lejh l-aqwa tip ta’ negozju.
Sostna li waqt is-sistema ta’ taxxa ta’ pajjiżna hija waħda kompetittivia iżda ma toffrix soluzzjonijiet ta’ taxxa dkont in-negozju tal-individwu.
Huwa temm jgħid li pajjiżna jinsab irrabjat għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u għal darba oħra tenna li jinsab impenjat b’mod sħiħ li tinqabad l-id malinna.