“L-enerġija u r-rieda li tikkontribwixxi f’temi varji huma żewġ karatteristiċi li t-tmexxija tal-Commonwealth qed tinnota f’pajjiżna, tant li qed tisħaq li minħabba f’hekk, Malta saret l-ispirazzjoni u l-aspirazzjoni tal-pajjiżi żgħar u kbar li wkoll huma parti mill-Commonwealth”. Dan kien kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland li fl-aħħar jiem kienet pajjiżna tipparteċipa f’forum internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-oċeani.
Il-form ‘Ocean Ambassadors’ kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li qatt ittella’, u Malta mexxiet b’suċċess diskussjonijiet dwar il-ħarsien sostenibbli ta’ qasam tant kruċjali għall-ekonomija dinjija.
Scotland irrikonoxxiet il-fatt li bħala gżira, Malta ilha pijunier fil-ħarsien tal-oċeani minn żmien il-qedem.
Fuq kollox kien ippruvat għal darb’oħra li s-suċċessi ta’ Malta ma jinkisbux biss bl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti speċjali bħal dawn. Il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-Commonwealth hija xi ħaġa kostanti fl-aġenda tal-Gvern Malti, qalet Patricia Scotland, speċjalment mindu twaqqaf iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth, li għas-sodisfazzjon tal-bosta, jinsab hawn Malta.