Għaddejja ħidma sabiex jiġu reveduti l-liġijiet eżistenti dwar it-trasport fuq it-triq fid-dawl tal-kompetizzjoni mhux xierqa li teżisti bejn il-pajjiżi fl-Ewropa kontinentali u l-operaturi żvantaġġati mill-pajjiżi gżejjer.
Din il-ħidma, qed issir mill-ATTO, il-Malta Chamber, il-Malta Business Bureau, flimkien mal-Irish Road Haulage Association u l-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Ċipru.
Iċ-Chairman tal-ATTO, Joseph Bugeja, qal kif għalkemm Malta, Ċipru u l-Irlanda huma tlett pajjiżi membri sħaħ ta’ l-Unjoni Ewropea, il-policies ta’ l-Unjoni dwar it-trasport marittimu u dak fuq it-toroq mhumiex qed jikkunsidraw il-kundizzjonijiet speċifiċi u ta’ żvantaġġ tagħna.
L-għan ewlieni tal-Grupp Island Nations Advocacy iffurmat minn rappreżentanti ta’ kumpaniji tal-ġarr ta’ merkanzija bit-triq hu li t-trasport bejn pajjiżi gżejjer u l-Ewropa kontinentali jibda jitqies bħala combined transport.
Dan b’hekk jagħtihom aċċess għall-diversi inċentivi.
Bħalissa, kumpaniji Maltin qed jużaw ir-rotta bil-baħar bejn Malta u Ġenova minflok ma jsuqu minn Pozzallo f’Sqallija sa Ġenova. Dan diġa qed inaqqas l-emissjonijiet b’70% meta mqabbel mas-sewqan bejn Pozzallo u Ġenova.
It-talba sabiex jitneħħew l-iżvantaġġi tal-liġijiet li hemm bħalissa dwar Combined Transport se jkunu wkoll riflessi f’position paper li mistennija tressaq l-International Road Union, l-akbar organiżżazzjoni ta’ operaturi ta’ trasport bit-triq fid-dinja.