L-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat, iddikjara li f’Diċembru li għadda Malta kienet il-pajjiż fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi li l-aktar li rreġistra tkabbir fil-bejgħ mill-ħwienet .
Il-konsumaturi Maltin u Għawdxin xtraw mill-ħwienet lokali b’5.7 fil-mija aktar milli kienu xtraw f’Diċembru tas-sena qabel.
Din ma kinitx ir-regola fil-pajjiżi kollha.
B’kuntrast ma’ Malta, fil-fatt, madwar l-Unjoni Ewropea l-bejgħ f’Diċembru li għadda kien 2.5 fil-mija iktar baxx minn dak ta’ Diċembru 2021. Dan minkejja li sena qabel f’ħafna pajjiżi kien hemm ħafna restrizzjonijiet fuq l-attività tal-ħwienet minħabba l-imxija tal-COVID-19.
Diċembru huwa tradizzjonalment meqjus bħala l-aqwa xahar.
Madankollu, madwar l-Ewropa, l-istat finanzjarju ħażin ta’ ħafna familji minħabba l-għoli esaġerat tal-kontijiet tad-dawl u tal-fjuwil wassal biex, f’Diċembru li għadda, il-bejgħ mill-ħwienet jerġa’ jaqa’ għall-livell li kien f’Diċembru 2020, jiġifieri l-livell osservat fl-eqqel tal-pandemija.
Wara Malta, f’dik li hi żieda fil-bejgħ, kien hemm ir-Rumanija u Spanja. Mill-banda l-oħra, il-Belġju, id-Danimarka u l-Iżvezja kellhom l-ikbar tnaqqis fil-bejgħ.