Fl-ewwel tliet tas-sena Malta kellha l-ħames l-akbar tnaqqis fid-dejn fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Dan joħroġ minn ċifri tal-uffiċċju tal-istatistika tal-unjoni ewropea, il-Eurostat li tat ħarsa lejn id-dejn kollu li għandhom il-pajjiżi Ewropej.
Iċ-ċifri juru li l-aktar pajjiż li naqqas id-dejn kien l-Islovenja b’7.6% imbagħad segwew l-Awstrija, l-Olanda u l-Ungerija bi tnaqqis li varja bejn 4.4% u 3.6%.
L-aktar pajjiżi li żiedu d-djun kienu Ċipru b’żieda ta’ 12%, il-Greċja b’żieda ta’ ftit anqas minn 5% u l-Latvja u l-Italja b’żieda ta’ 1.7% u 1% rispettivament.
Minn naħa l-oħra l-Gvern Malti naqqas id-dejn tal-pajjiż bi 3.2%, aktar minn tnejn fil-mija tal-medja Ewropea.
L-istatistika tal-Eurostat qalet ukoll li d-dejn li kellha Malta fl-ewwel kwart tas-sena huwa ferm anqas mill-medja Ewropea. Filfatt, filwaqt li l-medja Ewropea kienet ta’ kważi 90% tal-prodott domestiku gross, il-proporzjon tad-dejn f’Malta mqabbel mal-ġid nazzjonali kompla jonqos u issa niżel għal 46%.
L-aktar pajjiż li għandu dejn meta mqabbel mal-prodott domestiku gross huwa l-Greċja b’rata ta’ 180% u l-anqas pajjiż huwa l-Estonja b’rata ta’ 8.1%.