Malta se tkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li se jkollha l-Universita tar-Raba età. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani Anthony Agius Decelis f’konferenza tal-aħbarijiet mill-bini tal-Universita. Agius Decelis spjega li grazzi għal ftehim li sar mal-Universita ta’ Malta se jibdew jittellgħu sessjonijiet tal-Università ġdida tar-Raba età għall-anzjani f’San Vinċenz de Paul u f’dar San Ġużepp fil-Fgura. Sostna li din hija prova oħra ta’ kemm il-Gvern għandu għal qalbu l-ġustizzja soċjali u sar pass ieħor kbir biex ħadd ma jibqa socjalment eskluż.
Il-Pro Rettur tal-Università Carmen Sammut spjegat li l-ħsieb tal-Universita huwa li toħroġ dejjem aktar mill-kampus sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu aktar nies. Spjegat li l-Universita tat-tielet età bdiet 25 sena ilu u l-għan prinċipali tagħha huwa sabiex iżomm in-nies attivi fil-komunità.
Il-Professur Marvin Formosa saħaq li dan huwa eżempju sħiħ ta’ outreach fuq lifelong learning. L-Universit temmen li t-tagħlim għandu jkun kollu tul il-ħajja kollha u ħadd m’għandu jiġi eskluż minn dan. Huwa spjega li sal-lum kien hawn 5 ċentri ta’ tagħlim; fil- Furiana, Sliema, Attard Birgu u Għawdexi fihom jinġabru madwar 800 anzjan. Madanakollu spjega li mill-kalkoli li saru deher li minn ċerti bliet fit-tramuntana u nofsinhar tal-pajjiż ma tantx kien hemm membri. L-inqas lokalitajiet li kellhom membri kienu l-Mellieħa u Birżebbuġa u issa permezz ta’ dan il-ftehim se jkunu qed jinfetħu żewġ ċentri oħra f’dawn il-lokalitajiet.