SportMalta, l-entità governattiva għall-isport rebħet il-premju prestiġġjuż tal-BeActive Workplace imtella’ mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li bħala entità laħqet waħda mill-miri li kellha.
Cutajar stqarr: “Dejjem bħala SportMalta poġġejna bħala target l-entità tkun l-aqwa fl-Ewropa u naħseb l-award mirbuħ f’Budapest, l-Ungerija, l-ġimgħa li għaddiet irnexxielna nilħqu din il-mira.”
Is-Sur Cutajar Spjega li l-proġett kien iffukat fuq l-inattività fuq il-post tax-xogħol. Spjega li SportsMalta ressqet pjan biex il-ħaddiema tagħha jkunu aktar attivi. Dan permezz ta’ bosta inizjattivi għall-ħaddiema kemm waqt il-ħin tax-xogħol u kemm b’inizjattivi għall-ħaddiema ta’ SportsMalta biex jgħixu ħajja aktar b’saħħtiha.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima qal li dan il-proġett għandu jinfirex fil-postijiet tax-xogħol kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fil-privat. Huwa spjega li “Bħala SportMalta nkomplu nwasslu l-messaġġ bħala pajjiż fid-dipartimenti varji governattivi, iżda mhux biss, anke fis-settur privat sabiex nassiguraw li l-postijiet tax-xogħol tagħna jkunu fost fejn wieħed iħossu komdu, anzi jħossu li għandu jieħu sehem f’attivitajiet fiżiċi.”
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil feraħ lill-ħaddiema għal dan l-unur. Huwa qal li faċli titkellem fuq inattività, iżda SportMalta marret lil hinn minn hekk.
Il-ġurija kellha kliem ta’ tifħir għall-proġett li ppreżenta pajjiżna u qalu li l-proġett Malti huwa ta’ livell għoli, tant li spikka fost in-nominazzjonijiet kollha.
L-unur ġie ppreżentat mill-Kumissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Sport u Kultura, Tibor Navracsics waqt ċerimonja li saret fil-kapitali Ungeriża, Budapest.