ILGA-Europe tiddeskrivi l-impenn konsistenti tal-Gvern Malti għal ugwaljanza akbar għall-persuni LGBTIQ bħala “wieħed uniku”. ILGA-Europe qalet dan fir-rapport annwali tagħha fejn tanalizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ f’49 pajjiż madwar l-Ewropa.
Fost l-oħrajn, ir-rapport juri kif Malta żammet postha fil-quċċata tal-indiċi minn fost 49 pajjiż wara li f’Ottubru li għadda, kienet avvanzat mit-tielet għall-ewwel post.
B’total ta’ 88%, Malta baqgħet fl-ewwel post qabel il-Belġju u r-Renju Unit li żammew posthom mal-ewwel tliet pajjiżi bi 82% u 81% rispettivament.
Dawn ir-riżultati kienu ppublikati minn ILGA-Europe fl-okkażjoni tar-raba’ IDAHO Forum 2016 li jiċċelebra l-Jum Internazzjonali kontra l-omofobija, t-transfobija u l-bifobija li dis-sena qed jittella’ f’Copenhagen.
Bis-saħħa ta’ diversi liġijiet favur id-drittijiet ċivili, kif ukoll l-addozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni LGBTIQ, li l-gvern Malti implimenta f’dawn l-aħħar tliet snin fosthom il-liġi dwar l-unjoni ċivili u dik tal-identità tal-ġeneru, pajjiżna għal darb’oħra qed jiġi klassifikat minn ILGA-Europe mal-grupp ta’ pajjiżi li qed juru tmexxija politika fil-qasam tal-ugwaljanza.
Isem Malta kien saħansitra mfaħħar mid-Direttur Eżekuttiv ta’ ILGA-Europe Evelyne Paradis li rrimarkat kif l-avvanz u l-progress li għamlet Malta fl-aħħar xhur u li wassalha biex titla’ fl-ewwel post huwa eżempju ċar ta’ kif pajjiżna qed jirnexxielu joħloq standards f’dan il-qasam.
Fl-analiżi tagħha, ILGA-Europe tiddeskrivi lil Malta bħala dak il-pajjiż li wettaq bidliet kbar fil-qasam LGBTIQ minkejja li hu l-iżgħar fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiddeskrivi s-saħħa u l-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili flimkien mat-tmexxija politika fil-pajjiz bħala “ta’ ispirazzjoni”.
Dwar il-liġi tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess, ILGA-Europe mill-ġdid ikkonfermat kif din il-liġi għadha l-aqwa waħda fl-Ewropa li qed isservi ta’ katalista għal inizjattivi oħra. Fost dawn hemm il-politika fl-iskejjel għal studenti trans, intersess u ta’ ġeneru varjanti.
F’kumment li tat mill-IDAHO Forum, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili qalet li: “Din hi konferma li mexjin fit-triq it-tajba u li kull ma jmur, Malta qed tikseb rikonoxximent għall-ħidma tal-Gvern sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni u jippromwovi l-ugwaljanza għall-persuni kollha, kemm jekk ġejjin mill-maġġoranza jew mill-minoranzi.”