Fil-ġimgħat li ġejjin Malta se tniedi l-ewwel qafas regolatorju fid-dinja li se jwassal għat-tnedija ta’ regolatur ġdid bil-għan li jiġu regolati servizzi relatati mas-setturi tal-Blockchain u tal-intelliġenza artifiċjali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri ħabar dan waqt il-konferenza Unlock Blockchain fiċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta’ Dubai.
Waqt din il-konferenza li għaliha attendew bosta investituri internazzjonali interessati fil-settur tat-teknoloġija Blockchain, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li l-Gvern Malti ħadem bi sħiħ flimkien mal-industrija sabiex joħloq qafas regolatorju bla ma’ tiġi maħnuqa l-innovazzjoni f’dan is-settur dinamiku.
Is-Segretarju Parlamentai qal li dan għandu jwassal sabiex permezz ta’ ftehim ġdid, pajjiżna jaqsam l-esperjenza tiegħu fil-qasam regolatorju filwaqt li ż-żewġ pajjiżi jaħdmu id f’id fuq proġetti ta’ implimentazzjoni tal-użu ta’ din it-teknoloġija f’diversi oqsma.
Schembri qal ukoll li bil-għan li jiġi attirat aktar investiment f’Malta stieden lil dawn il-kumpaniji biex jestendu l-operazzjoni internazzjonali tagħhom fil-ġurisdizzjoni Maltija fejn jkunu jistgħu wkoll jaċċessaw is-swieq Ewropej.