L-indikaturi tal-Forum Ekomomiku Dinji juru li fl-aħħar ħames snin, Malta avvanzat għaxar postijiet fl-indiċi tal-kompetittività u issa tinsab fis-sitta u tletin post fil-klassifika globali fost 140 pajjiż.
Ir-rapport juri li Malta ġiet qabel membri oħra tal-Unjoni Ewropea fosthom il-Polanja, Ċipru, il-Bulgarija, is-Slovenja u l-Islovakkja u kklassifikat fis-17-il post fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Forum Ekonomiku Dinji jkejjel il-kompetittività tal-pajjiżi mistħarrġa fuq 12-il fattur fosthom l-istituzzjonijiet, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-effiċjenza fis-suq, l-infrastruttura, l-impjiegi, it-teknoloġija u l-innovozzjon u l-ambjent makro ekonomiku li Malta kklassifikat fl-ewwel fost fid-dinja ta’ dan l-indiċi.
Malta baqgħet ukoll fost l-aħjar fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni u eċċellat fil-qasam tal-iżvilupp tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li huwa vitali għall-kompetittività.
L-indiċi wera wkoll li Malta għandha fost l-aktar istituzzjonijiet b’saħħithom fid-dinja waqt li s-sistema finanzjarja ta’ Malta ġiet ikklassifikat wkoll mal-ewwel 30 fid-dinja.
Fir-reazzjoni tiegħu għal din il-klassfika, il-Ministru għall-Ekonomikja Chris Cardona attribwixxa dan ir-riżultat pożittiv għal bosta fatturi fosthom inflazzjoni li hija kkontrollata u bilanċ pożittiv fil-finanzi tal-Gvern.
Huwa żied jgħid li l-Gvern qiegħed jadatta għal oqsma ġodda fis-suq billi jitfa’ ħarstu fuq il-kapital uman u fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.
Huwa żied jgħid li l-investiment wiesgħa li qed isir f’bosta oqsma fosthom l-infrastruttura għandu jwassal għal tkabbir sostenibbli.
Skont il-Forum Ekonomiku Dinji, l-Istati Uniti baqgħu fil-quċċata tal-iktar pajjiżi kompetittivi fid-dinja, segwiti minn Singapore u l-Ġermanja.