Malta żammet l-ewwel post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għas-servizzi li toffri tal-e-government, jiġifieri kemm pajjiżna qiegħed jirnexxielu jagħmel is-servizzi governattivi aċċessibbli online u mill-mobile kemm liċ-ċittadini u kemm lin-negozji Maltin.
Dan tħabbar fl-aħħar pubblikazzjoni tal-eGovernment Benchmark 2019 maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea li ddikjara li Malta flimkien mal-Estonja u l-Awstrija qegħdin juru t-triq lill-Ewropea f’dan il-qasam.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-servizzi li l-Gvernijiet jagħtu fuq l-internet jistħarreġ erba’ oqsma ta’ prijorità waqt li jqabbel il-prestazzjoni tas-servizzi tal-e-government bejn il-pajjiżi.
Pajjiżna reġa’ kiseb riżultati tajbin ħafna u ġie fl-ewwel post fir-riżultati globali fosthom id-disponibilità u l-użu tal-internet, it-trasparenza, l-aċċessibilità minn ċittadini oħra Ewropej u fl-infarstruttura teknoloġika. F’kull kategorija, pajjiżna kkwalifika fl-ewwel post minn fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea juri fil-qasam tad-disponibilità, l-użu, il-veloċità tas-servizzi tal-e-government Malta kisbet 98 %, 13.2 punt perċentwal aktar mill-medja Ewropea.
It-tieni qasam huwa t-trasparenza li jgħarbel sa liema punt il-gvernijiet huma trasparenti fir-responsabbilitajiet tagħhom, il-proċess kif jitqassam is-servizz u l-informazzjoni personali involuta. F’dan il-qasam Malta kisbet 96%, 33.7 punt perċentwal aktar mill-medja Ewropea.
It-tielet indikatur eżamina l-abbiltà tal-gvernijiet biex jipprovdu lin-negozju u ċ-ċittadin tagħhom aċċess għas-servizzi pubbliċi online meta jkunu ‘l bogħod minn xtuthom. Hawnhekk, Malta kklassifikat l-ewwel b’87% waqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 63%.
Ir-raba’ indikatur f’dan l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea huwa wieħed li janalizza d-disponibbiltà ta’ numru ta’ elementi tekniċi importanti għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-egovernement fosthom l-e-IDu d-dokumenti elettroniċi. F’dan il-qasam Malta kisbet 100% waqt li l-medja Ewropea kienet ta’ 58.3%
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li se jkompli jinvesti biex ikun sostnut is-suċċess milħuq f’dan il-qasam fosthom b’investiment ta’ €40 miljun fi proġett li se jsaħħaħ l-interazzjoni tas-servizz pubbliku mal-klijenti tiegħu.