Malta ġiet ikkonfermata bħala l-aqwa fl-Ewropa fuq servizzi ta’ eGovernment.
Dan ħareġ minn rapport tal-Kummissjoni Ewropea u li janalizza s-servizzi governattivi online ta’ 36 pajjiż Ewropej.
Fil-fatt Malta klassifikat l-ewwel b’punteġġ ta’ 96% u ġiet segwita mill-Estonja b’92%.
Meta wieħed iħares lejn il-kriterji kollha f’dan l-eżerċizzju Malta klassifikat l-ewwel f’kull wieħed minnhom.
Dawn jinkludu kriterji bħal dak tal-kwalità tad-diżinn tas-servizz u l-faċilità li bih jintuża mill-klijenti, anke fuq il-mobile. F’dan l-aspett is-Servizz Pubbliku Malti ġie l-ewwel b’rata ta’ 99%, li jfisser 11% aktar mill-medja Ewropea.
Fil-kriterju tat-trasparenza fis-servizzi mogħtija, Malta ġiet l-ewwel b’rata ta’ 99%, filwaqt li l-medja Ewropea kienet ta’ 64%.
Malta kklassifikat l-ewwel ukoll fil-kriterju li jinkorpora elementi tekniċi meqjusa importanti għat-twassil tas-servizzi governattivi online. F’dan l-aspett Malta kisbet 98%, bil-medja Ewropea tkun 61%.
Fil-kriterju li jindika l-aċċessibiltà tas-servizzi minn pajjiżi oħra, is-Servizz Pubbliku Malti għal darb’oħra ġie fl-ewwel post b’rata ta’ 90%.
Dan ifisser rata ta’ 35% ogħla mill-medja Ewropea.
B’reazzjoni għal dan ir-riżultat li jikkumplimenta anke dak tal-2020 u s-snin ta’ qabel hekk kif Malta wkoll kienet kisbet l-ewwel post, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar spjega li dan ir-riżultat hu ċertifikat tal-ħidma li saret fl-aħħar snin, b’investiment ta’ €200 miljun fit-teknoloġija bħala parti mill-proċess ta’ tiġdid bla preċedent li sar biex is-Servizzi Pubbliċi jsiru aċċessibbli minn kulħadd u kullimkien.
Madankollu s-Sur Cutajar sostna li l-isfida ewlenija tibqa’ żżomm l-ewwel post sena wara oħra, b’Malta tibqa’ tagħmel dan quddiem pajjiżi meqjusa ġganti f’dan il-qasam bħall-Estonja u l-Awstrija.