“M’hawnx post aħjar minn Malta fejn tista’ tkun innovattiv u tiżra’ l-bidla.”
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jindirizza edizzjoni oħra tas-summit dwar l-innovazzjoni bit-tema Changemakers li qed ilaqqa’ taħt saqaf wieħed bosta investituri Maltin u barranin.
F’diskors li rrifletta t-tema tas-summit, il-Prim Ministru fisser bi kburija l-viżjonijiet li pajjiżna fassal għal futur f’diversi oqsma.
Semma kif Gvern Laburista mmexxi minnu kien innovattiv f’bosta oqmsa ġodda bħall-blockchain u d-DLT.
Il-Prim Ministru qal kif il-pass li jmiss huwa li Malta tinvesti b’mod sostenibbli fl-intelliġenza artifiċjali biex din tkun infilsata f’oqsma oħra tas-soċjetà tagħna, bħat-turiżmu u s-servizzi tas-saħħa.
Qal li dan kollu huwa parti mill-istrateġija nazzjonali tal-intelliġenza artifiċjali li nieda l-Gvern jiem ilu, li fost oħrajn se torbot lill-Gvern b’numru ta’ proġetti pilota fl-4 snin li ġejjin.
Semma wkoll l-istrateġija għall-esports u għall-ispazju għal għanijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u tkabbir, iżda qal li biex dan kollu jkun sostenibbli, jeħtieġ li nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni.
Qal li flimkien mar-riċerka, huma ċ-ċwievet ewlenija biex tinħoloq bażi għal kull settur u jiftaħ il-bibien tiegħu.
Xi ħaġa li sostniha wkoll iċ-Chairman tal-Malta Innovation Summit, Johan Zammit.
Zammit sostna li “L-ethos tal-Malta Innovation Summit kien dejjem l-edukazzjoni, minn skejjel sa adulti li jkompli jitgħallmu fuq teknoloġiji emerġenti. L-edukazzjoni hija l-core ta’ dan kollu. L-ewwel nibnu pjattaforma soda ta’ edukazzjoni mbagħad nistgħu nagħmlu kull ħaġa oħra.”