Malta kienet l-aqwa fl-Ewropa fit-tisħiħ tal-impjiegi, skont rapport li ħareġ l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat. Dan wera li filwaqt li f’pajjiżi oħra Ewropej, il-qgħad kompla jiżdied, f’Malta dan baqa’ relattivament stabbli.
Fi stqarrija l-Gvern spjega li erbgħa u għoxrin mis-sebgħa u għoxrin pajjiż Ewropew raw il-qgħad tagħhom jiżdied fit-tielet kwart ta’ din is-sena meta kkumparat mas-sena l-oħra. Mit-tliet pajjiżi li raw tkabbir; Malta, il-Polonja u l-Lussemburgu, pajjiżna rreġistra l-ogħla tkabbir, li jgħodd it-tnejn punt erbgħa fil-mija. Dan ikompli jikkonferma kemm il-miżuri li ħa l-gvern iktar kmieni din is-sena favur in-negozji u l-ħaddiema taw il-frott mixtieq.
Fl-istess stqarrija l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li miżuri bħal dik tal-ħlas tal-pagi tal-ħaddiema u għajnuniet diretti lin-negozji, ilkoll kienu strumentali biex ħadd ma jitlef xogħlu. Fakkar li fis-sena l-ġdid se naraw il-pandemija tkompli tiġi kkontrollata grazzi għall-vaċċin, u hekk kif pajjiżi oħra jibdew jirkupraw ekonomikament, Malta se tkun f’qagħda eċċellenti li tirkupra bl-aktar mod b’saħħtu.