Malta kklassifikat l-aqwa fid-dinja fil-ġlieda kontra l-omofobija u l-protezzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. Dan ikkonfermatu l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersex f’rapport ippubblikat fi New Zealand.
Ir-rapport juri kif Malta hi l-unika pajjiż li ssodisfa l-kriterji kollha tal-ILGA World li jinkludu l-protezzjoni Kostituzzjonali, il-protezzjoni fil-liġi tax-xogħol, il-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u mibegħda, iż-żwieġ ugwali u l-unjoni ċivili. Kriterji oħra jinkludu addozzjoni konġunta jew addozzjoni mit-tieni ġenitur, u l-projbizzjoni ta’ prattiċi ta’ konverżjoni jew ir-riklamar tagħhom.
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Ministru Helena Dalli qalet kif dan ir-riżultat li ħareġ minn rapport li sar minn organizzazzjoni li ilha mwaqqfa għal erbgħin sena fejn spjegat kif għandna nkunu sodisfatti ferm b’din il-kisba.
“Hija xi ħaġa tajba u importanti li Malta tinsab l-ewwel fid-dinja fejn tidħol l-ugwaljanza. Qabel konna l-ewwel fl-ewropa issa ġejna l-ewwel fid-dinja. Meta tara l-pajjiżi li hemm warajna pereżempju l-aktar viċin tagħna huwa l-kanada. Huwa pajjiż avvanzat fejn tidħol ugwaljanza però għad ma jissodfiswawx il-kriterji kollha li trid tissodisfa skont dan ir-rapport biex ikollok ugwaljanza totali. Ovvjament aħna nieħdu gost għax in-nies qed igawdu mix-xogħol li għamilna f’leġislazzjoni f’dan il-qasam, issa qed jgħixu ħajja aħjar,” qalet il-Ministru Dalli.
Dan kien possibbli wara li l-Gvern implimenta numru ta’ riformi leġiżlattivi li poġġew lil Malta fil-quċċata Ewropea f’dan il-qasam.
Din l-aħbar issegwi dik li ħarġet ftit tal-jiem ilu meta pajjiżna għall-ewwel darba għamilha mal-aqwa għaxar destinazzjonijiet turistiċi għall-persuni LGBTIQ.