Statistika ppubblikata mill-midja internazzjonali Euractiv uriet kif Malta huwa l-aktar pajjiż fid-dinja li laqqam kompletament il-popolazzjoni tiegħu bil-vaċċin għall-Covid-19.
L-istatistika, li ngħatat prominenza mis-sit internazzjonali Euractiv turi li Malta hija l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li laqqam nies kontra l-Coronavirus, bi 32.5% tal-popolazzjoni mlaqqma kompletament.
Is-sit innota li minn tal-inqas mitejn miljun doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 ingħataw fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja.
Minn tal-inqas 52.9 miljun persuna ġew imlaqqma kompletament biż-żewġ dożi tal-vaċċin, fil-każ tal-BioNTech/Pfizer, Moderna u AstraZeneca, jew b’doża waħda fil-każ tal-vaċċin Johnson & Johnson.
Din iċ-ċifra tammonta għal 11.8% tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Għall-kuntrarju ta’ Malta, Euractiv nnota wkoll il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej fallew mill-miri tagħhom fit-tilqim kontra l-Covid-19.
Issemma kif il-Ġermanja għandha 11.1% tal-popolazzjoni imlaqqma kompletament, Franza għandha 13.5%, l-Italja għandha 14.6% u Spanja għandha 15.4% tal-popolazzjoni imlaqqma kontra l-Coronavirus.