Malta qabżet lill-Iżrael biex issa pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-lista ta’ pajjiżi li qed ilaqqmu lill-popolazzjoni tagħhom.
Dan wara li fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa, f’pajjiżna aktar minn sebat elef u seba’ mitt persuna ħadu t-tilqima.
L-għoti tal-vaċċin tal-Johnson & Johnson fl-aħħar jiem għaġġel il-proċess ta’ tilqim f’Malta hekk kif min jieħu dan il-vaċċin jeħtieġ biss doża waħda biex ikun imlaqqam kompletament.
Fuq Twitter, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ippubblika grafika li turi kif proprju fl-aħħar sigħat Malta għamlitha fil-quċċata tal-lista u qabżet pajjiżi bħall-Iżrael u r-Renju Unit li wkoll għandhom rata ta’ tilqim tajba ħafna.