Malta hija l-aktar pajjiż fl-Ewropa li joffri appoġġ lil studenti f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja.
Dan ikkonfermah rapport tal-Unjoni Ewropea li stħarreġ is-sena skolastika 2017-2018, u li ta importanza lil ħlasijiet minn studenti biex jistudjaw u servizzi differenti ta’ appoġġ lill-istess studenti.
L-istudju sar minn network magħruf bħala Eurydice, li jaħdem mal-programm Erasmus+ u li huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea.
L-istess rapport identifika lil Malta bħala l-pajjiż li joffri għotjiet lill-ogħla numru ta’ studenti, filwaqt li 93% tal-istudenti li qed jistudjaw għall-ewwel Baċċellerat jingħataw għajnuna finanzjarja. Dan ifisser li Malta toffri l-aktar appoġġ lil studenti madwar l-Ewropa.
Id-Danimarka, il-Finlandja, u l-Iżvezja, kollha segwew lil Malta. B’kollox, 38 pajjiż kienu mistħarrġa għal dan ir-rapport, fosthom anke pajjiżi li mhux parti mill-Unjoni Ewropea bħas-Serbja, in-Norveġja, u t-Turkija.