Pajjiżna diġà laqqam kompletament kontra l-Covid-19 ftit aktar minn 70% ta’ dawk li jgħoddu bejn il-25 u d-49 sena.
Skont informazzjoni mogħtija minn uffiċċju tal-Unjoni Ewropea dwar it-tilqim, ir-rata ta’ pajjiżna fil-kategorija ta’ età msemmija tiżboq ferm iżjed minn pajjiżi oħra.
Fil-fatt ir-rata ta’ pajjiżna hija 15% iżjed minn dik tal-pajjiż li ġie wara Malta, f’dan il-każ l-Ungerija.
Ir-rata ta’ tilqim ta’ Malta fost din il-kategorija ta’ età, li tinkludi fost oħrajn żgħażagħ minn 25 sena ’il fuq hija d-doppju ta’ dik tal-Belġju u aktar minn tliet darbiet iżjed mid-Danimarka.
Pajjiżna mbagħad għandu l-ogħla rati ta’ tilqim komplut fost l-istati membri fil-kategoriji ta’ età ta’ bejn is-60 u d-69 sena u ta’ bejn is-70 u d-79 sena.
Fil-fatt skont dawn iċ-ċifri, pajjiżna laqqam kważi lil kulħadd f’dawn il-kategoriji tal-età msemmija.
Pajjiżna mbagħad laqqam b’mod sħiħ aktar minn 86% ta’ dawk li jgħoddu bejn il-50 u d-59 sena.
Kienet biss l-Irlanda li qabżet lil Malta fit-tilqim komplut ta’ din il-kategorija ta’ età.
Ras għal ras, Malta hija l-aktar pajjiż fid-dinja li laqqmet nies b’mod sħiħ kontra l-Coronavirus.
Fil-fatt pajjiżna laqqam b’mod sħiħ 81% tal-popolazzjoni adulta.
Wara Malta hemm l-Iżlanda b’74% u l-Emirati Għarab Magħquda bi 68%.
Mill-jum tat-Tnejn, l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin bdew jistiednu nies li għadhom ma tlaqqmux biex imorru jieħdu l-vaċċin mingħajr appuntament.
Apparti minn hekk klinika li tiċċaqlaq minn post għall-ieħor bdiet iddur irħula differenti madwar il-pajjiż biex jirċievu t-tilqim.
Fil-fatt fl-ewwel jum, din il-klinika mobbli fit-Techno Park tal-Mosta kellha tibqa’ miftuħa sa waranofsinhar wara li bosta nies ikkonkorrew.
Fil-fatt minn din il-klinika biss tlaqqmu kważi 2,500 ruħ.
Fil-jum tal-Erbgħa din il-klinika se tkun iż-Żejtun.