Fost 213-il pajjiż madwar id-dinja, Malta baqgħet l-aktar destinazzjoni sigura għall-persuni LGBTIQ+. Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati minn sit elettroniku internazzjonali Spartacus li kull sena jippubblika indiċi b’pariri dwar l-ivvjaġġar għall-komunità LGBTIQ+.
Dan l-indiċi mill-ġdid ikkonferma lil Malta fl-ewwel post anke għall-2024, bid-differenza li din id-darba jingħaqdu magħna erba’ pajjiżi oħrajn, li huma l-Kanada, New Zealand, Spanja u l-Portugall.
Min-naħa l-oħra, l-indiċi għamel enfażi fuq l-Istati Uniti tal-Amerka fejn l-affarijiet għal-LGBTIQ+ mhumiex siguri f’diversi stati, waqt li jistgħu jmorru għall-agħar kemm-il darba jerġa’ jiġi elett Donald Trump f’Novembru li ġej.
Dan minbarra li indiċi ieħor relatat mal-komunità LGBTIQ+, dak ta’ ILGA-Europe, ilu jikklassifika lil Malta fl-ewwel post internazzjonalment għat-tmin sena konsekuttiva fejn jidħlu d-drittijiet umani.