Malta u l-Estonja ffirmaw ftehim li permezz tiegħu pajjiżna se jilħaq l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded.
Fl-aħħar snin, Malta għamlet progress kbir fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-pannelli fotovoltajiċi.
Ċifri tal-Eurostat juru li Malta kienet żewġ punti perċentwali ’l bogħod milli tilħaq il-mira li sal-2020, għaxra fil-mija tal-enerġija li nikkonsmaw tiġi minn għejjun li jiġġeddu bħax-xemx u r-riħ.
Il-ftehim li se jassigura li Malta tilħaq il-mira Ewropea, ġie ffirmat bejn il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia u l-Ministru tal-Enerġija tal-Estonja Taavi Aas.
Il-Ministru Farrugia qal l-Gvern ħadem bis-sħiħ biex tintlaħaq il-mira ewropea, iżda sostna li kien hemm diversi fatturi, fosthom iċ-ċokon ta’ Malta, li wasslu lill-Gvern biex jidħol għal dan il-mekkaniżmu ta’ koperazzjoni.
Huwa stqarr: “Nirrikonoxxu li pajjiżna huwa żgħir u allura ċertu tip ta’ produzzjoni bħal wind farms, bħal sistemi li tiġġenera l-elettriku minn xmajjar, muntanji jillimitana ħafna f’dan l-iżvilupp imma minkejja dan kollu, iż-żieda fil-popoluzzjoni, żieda fit-turiżmu, l-affluwenza tal-poplu Malti u Għawdxi li allura qed juża aktar elettriku wieħed jista’ jgħid li ħa nkunu ma nilħqux it-target bi ftit.”
Il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern se jibqa’ jaħdem sabiex jiżdiedu l-pannelli fuq il-bjut tad-djar Maltin. Ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru inizjattivi ġodda biex ikompli jissaħħaħ dan is-settur.
Huwa tenna: “Matul din is-sena ser inkunu qed naħdmu fuq skema ta’ batteries illi wieħed jista’ jwaħħal ġewwa daru biex meta jkun hemm xemx kontinwa wieħed jista’ jistorja ġo dawn il-batteries.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Estonja faħħar il-ħidma ta’ Malta fil-qasam tal-enerġija u f’isem il-Gvern tal-Estonja qal li jħossu onorat li qed jgħin lil Malta.
Huwa qal: “For the small countries it’s important to work together because we have quite a similar challenges we are on the side of the EU, small countries so I think we must work together.”
F’messaġġ li xxandar waqt il-konferenza, il-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Kap tat-Taqsima tal-Enerġija Rinnovabbli Paula Abreu Marques laqgħet dan il-ftehim.