Għat-tieni sena konsekuttiva, il-gżejjer Maltin intgħażlu bħala t-tieni l-aktar destinazzjoni ideali għall-għadis. Dan il-premju ngħata bħala parti mid-Diver Awards, waqt Dive Show f’Birmingham. Permezz ta’ dan il-premju, Malta ġiet promossa bħala destinazzjoni poplari għall-għadis fl-Ewropa, hekk kif kisbet eluf ta’ voti mill-qarrejja ta’ Diver Magazine u dawk li żaru www.divernet.com.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu attendtiet l-avveniment tant mistenni bejn il-21 u t-22 ta’ Ottubru. Id-Diver Awards jirrikonoxxu l-aqwa fl-industrija, kemm minn aspett ta’ destinazzjoni turistika kif ukoll minn aspett ta’ għalliema individwali u kumpaniji pijunieri.
Il-premju għall-aħjar destinazzjoni għall-għadis kellu konkorrenza qawwija. Fl-ewwel post ġie l-Eġittu, segwit minn Malta u l-Maldives, li ġew fit-tielet post. Dan juri li l-gżejjer Maltin jikkompetu mal-aqwa destinazzjonijiet u jissuperaw ħafna destinazzjonijiet oħra.
Kisba oħra fil-qasam kienet l-għoti tal-permju ‘Best Dive Centre’ lil Maltaqua.
Is-Sur Nicolas Sancho, senior manager fi ħdan l-MTA (M.I.C.E Renju Unit u Irlanda) esprima sodisfazzjon għall-fatt li sena wara sena, Malta tiġi rikonoxxuta bħala destinazzjoni ewlenija għall-għadis. Qal li hawn komunità dejjem tikber fid-dinja tal-għadis li kull ma jmur dejjem tinteressa ruħha aktar mill-ħajja taħt il-baħar. L-għoti ta’ dawn it-tip ta’ premijiet huwa riflessjoni tar-relazzjoni imprezzabbli fost il-komunità tal-għadis. Żied jgħid li huwa motivazzjoni biex isir dejjem aktar biex Malta, Għawdex u Kemmuna jkomplu jattiraw viżitaturi minn madwar id-dinja.
Is-sur Paul Bugeja, CEO tal-MTA, qal li s-suq Ingliż huwa importanti ħafna għall-gżejjer Maltij u jibqa s-suq ewlieni, minkejja li swieq oħra qed jikbru fl-importanza tagħhom. Għalhekk, żied jgħid, qed tkompli ssir ħidma ta’ promozzjoni għall-gżejjer Maltin fir-Renju Unit, liema ħidma qed tkompli ġġib ir-riżultati. Is-sur Bugeha qal li l-industrija tal-għadis hija suq importanti u li fl-2016, aktar minn 100,000 turist żaru l-gżejjer Maltin, bil-għan ewlieni tagħhom ikun l-għadis. Huwa stmat li 50,000 oħra għażlu li jmorru scuba diving waqt li kienu hawn Malta. Is-sur Bugeja kkonkluda billi rringrazzja lil dawn kollha involuti biex dawn il-kisbiet kienu possibbli, u rringrazzja lil Maltaqua għall-kisbiet tagħhom.