Għad-disa’ sena konsekuttiva, Malta ġiet fl-ewwel post fl-ILGA-Europe Rainbow Map Equality Index. Dan l-indiċi dwar l-ugwaljanza jkejjel id-drittijiet ċivili u d-drittijiet umani li l-komunitajiet LGBTIQ+ ikunu qegħdin jesperjenzaw f’49 pajjiż Ewropew.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, esprimiet is-sodisfazzjon li dan kien it-tieni ċertifikat pożittiv għal Malta din il-ġimgħa minn żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-ugwaljanza u l-inklussività.
Fil-fatt rapport ġdid tal-Aġenzija Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali wera li l-persuni LGBTIQ+ f’Malta mhux biss kisbu d-drittijiet ċivili mistħoqqa, iżda huma integrati u aċċettati fis-soċjetà, filwaqt li hemm ferm inqas diskriminazzjoni u preġudizzji fil-konfront tagħhom, ferm aħjar mill-medja Ewropea.
Sadanittant, waqt li rrimarkat li dan hu rekord bla preċedent għal pajjiżna, is-Segretarju Parlamentari qalet li dan l-unur għandu jkun ċelebrazzjoni għall-valuri li jiddistingwu lill-poplu Malti li kien kapaċi jegħleb il-preġudizzji tal-passat u jaċċetta l-inklussività u l-ugwaljanza.
Waqt li raddet ħajr lil dawn l-individwi u organizzazzjonijiet għall-ħidma tagħhom, ħeġġet biex Malta ma treġġax l-arloġġ lura f’dan il-qasam, waqt li tenniet l-impenn tal-Gvern biex dawn id-drittijiet umani jkomplu jissaħħu f’Malta u f’pajjiżi oħrajn.