Stħarriġ mill-European Best Destinations fost kważi miljun u mitt elf vjaġġatur, li għadu kemm ġie ppubblikat, sab li Malta hi t-tielet l-aktar destinazzjoni preferuta għall-2024.
Dan se jwassal biex l-organizzazzjoni, li ilha taħdem fis-settur għal iżjed minn 15-il sena, mhux biss tippromwovi lil pajjiżna fuq is-sit tagħha europeanbestdestinations.com flimkien mal-bqija tal-aqwa 20 destinazzjoni li ntagħżlu. Iżda anke fil-promozzjoni li ssir minn pajjiżna stess issa jista’ jintuża t-titlu ta’ “European Best Destinations 2024”.
European Best Destinations, li tikkollabora ma’ Forbes fl-Istati Uniti, Conde Nast, Corriere Viaggi u Yahoo, b’udjenzi ta’ madwar erba’ mija u għoxrin miljun vjaġġatur, qalet li 59% tal-voti, li ġabret din is-sena huma minbarra l-Ewropa.
Tenniet li dan hu l-akbar għadd minn madwar id-dinja mindu tnieda dan l-avveniment, u qalet li aktar minn qatt qabel turisti qed juru interess qawwi li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa, partikolarment mill-Istati Uniti tal-Amerka.
F’din il-lista tal-aqwa destinazzjonijiet, li joffru esperjenzi uniċi kemm kulturali u kulinari, fost l-oħrajn, hemm biss Marbella fi Spanja u Monaco qabel Malta.
Waqt li pajjiżna kiseb aktar minn mija u tletin elf vot, Monaco qabżina biss b’mod marġinali, bi ftit aktar minn elfejn vot iżjed, waqt li Marbella dabbret ftit iżjed minn mija u disgħa u erbgħin elf vot.
F’kummenti dwar pajjiżna, il-European Best Destinations qalet li, f’għajnejn dawk li vvotaw, Malta hi destinazzjoni perfetta għal vaganzi attivi, romantiċi, tal-familja jew mal-ħbieb.
Fil-fatt Malta wkoll ġabet l-akbar ammont ta’ voti għal dawk fl-etajiet ta’ bejn il-25 u l-45 sena li qed ifittxu vaganza attiva.
Minbarra hekk qalet li pajjiżna hu destinazzjoni għal dawk li jfittxu n-natura u f’dan ir-rigward ġie ppremjat diversi drabi għat-turiżmu sostenibbli mill-Kummissjoni Ewropea.
F’kummenti ma’ ONE News wara din l-aħbar, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, wassal ir-reazzjoni tiegħu.
“Dan l-istħarriġ sar minn ’il fuq minn miljun turist li vvotaw minn madwar 180 pajjiż differenti wara ż-żjarat tagħhom f’pajjiżi fl-Ewropa. U għaldaqstant dan huwa l-ġudizzju tat-turisti li għażlu li jżuru lil pajjiżna, fejn pajjiżna ġab ’il fuq minn 130,000 vot biex ikklassifika fit-tielet post fil-European Best Destinations. Dan kollu jimlina b’iżjed kuraġġ biex inkomplu naħdmu biex inħarsu ’l quddiem għal iżjed investiment dejjem jiżdied fil-qasam tat-turiżmu. U b’hekk naraw li jkollna prodott turistiku iżjed diversifikat li jolqot lil kulħadd sabiex b’hekk ikollna turiżmu sostenibbli għaż-żmien li ġej.”
Clayton Bartolo – Ministru