Malta permezz tal-kanzunetta ‘I Am What I Am’ kantata minn Emma Muscat, ikklassifikat fis-16-il post minn 18-il parteċipant fit-tieni semi-finali tal-Eurovision Song Contest 2022.
Dan hekk kif ir-riżultati li ġew ippubblikati proprju wara r-rebħa tal-Ukrajna għal din is-sena, wrew kif Malta kisbet 47 punt biss, bl-ogħla kisba tal-punti kienet dik tal-Iżvezja b’396 punt.
Malta kisbet 27 punt mingħand il-ġurija fejn ġiet fit-tnax-il post mill-voti tal-ġurija filwaqt li kisbet 20 punt mill-voti tal-pubbliku fejn hawn ikklassifikat fil-ħmistax-il post mill-voti tal-pubbliku.
Minkejja li d-djar tal-imħatri, sa ftit ħin qabel il-wirja tat-tieni semi-finali, Malta dehret li jaf tgħaddi bl-eżatt, jidher li dan ma kienx il-każ, fejn kienu l-Montenegro u l-Ġorġja li kklassifikaw fis-sbatax u t-tmintax-il post rispettivament.