Hekk kif id-dinja bil-mod il-mod qed tipprova ssib saqajha u tersaq lejn in-normalità, is-settur tal-avjazzjoni għadu jħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet kbar.
Hekk qalilna l-President tal-Assoċjazzjoni għan-negozju fl-avjazzjoni, Stanley Bugeja li spjega kif in-nuqqas ta’ armonija fir-restrizzjonijiet li pajjiżi differenti jagħżlu li jaddottaw qiegħda twassal għall-problemi fl-ivvjaġġar bejn pajjiż u ieħor.
Qal, “Dalgħodu kont qed nitkellem ma’ kollegi bħali diretturi f’kumpaniji tal-avjazzjoni u għad hemm ħafna sfidi. Ħafna pajjiżi għandhom restrizzjonijiet differenti, waħda minn oħra, pajjiżi li ma jirrikonoxxux ċertu vaċċini. Pereżempju l-Amerka għadha mhux tirrikonoxxi l-AstraZeneca vaccine.”
Bugeja spjega kif għalkemm dan kien żmien diffiċli għas-settur kollu, l-kumpaniji tal-avjazzjoni f’pajjiżna gawdew minn għajnuna kbira mill-Gvern.
Spjega, “Huwa mument verament diffiċli. Malta daqxejn fortunati għaliex kellna ħafna għajnuna min-naħa tal-Gvern bħala kumpaniji tal-avjazzjoni pjuttost minħabba dawn id-diffikultajiet.”
Fid-dawl li bosta linji tal-ajru qed iħabbru żieda fit-titjiriet li ser ikunu qed itiru minn u lejn pajjiżna, Stanley Bugeja spjega kif dan huwa indikattiv ta’ żminijiet aħjar għas-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna.
Qal, “Iktar ma tiżdied l-attivitá tal-avjazzjoni ovjament waħda tmur id f’id mal-oħra. Jekk l-ekonomija sejra tajjeb ser jiżdiedu t-titjiriet u jekk it-titjiriet jiżdiedu jfisser li l-eknomija sejra tajjeb.”
It-triq ’il quddiem għal dan is-settur wara l-pandemija ser tkun diskussa waqt it-tielet edizzjoni tal-konferenza tal-Avjazzjoni mtella’ mill-MACE.
Din ser issir bejn is-26 u t-28 ta’ Ottubru.
Il-ko-fundatur ta’ MACE Jonathan Dalli spjega kif fil-konferenza mistennija tkun diskussa wkoll il-politika Ewropea dwar l-użu ta’ fjuwil iżjed sostennibbli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Joseph Bugeja stqarr kif huwa ta’ pjaċir għar-regolatur ewlieni f’dan is-settur li jagħti l-appoġġ għal din il-konferenza filwaqt li l-Ministru għat-Trasport, Ian Borg stqarr kif l-aħbar li din il-konferenza ser issir għal darb oħra f’pajjiżna hija pożittiva.
Huwa innota kif l-aħħar liġi li fuqha ttieħdet vot fil-parlament qabel il-vaganzi tas-Sajf hija mmirata sabiex taġġorna l-qafas legali li jirregola s-settur.