Ftit tal-ġimgħat ilu Malta kienet lesta biex tibgħat tliet vetturi tat-tifi tan-nar flimkien ma għoxrin pumpier sabiex jassistu lill-Protezzjoni Ċivili Griega fit-tifi tan-nirien li ħakmu villaġġ qrib Ateni.
Fid-dawl ta’ dan, ONE News tkellem mas-Sur Kevin Pace mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Malti fejn spjegalna kif jaħdem dan il-mekkaniżmu Ewropew li bih pajjiżi differenti jkunu jistgħu jagħtu kontribut lill-pajjiż milqut minn diżastru naturali.
Pace qal ma’ ONE News li “Meta jiġri xi ħaġa bħal ma ġara fil-Greċja dan l-pajjiż jitlob għall-għajnuna mill-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili u minn hemhekk jiskatta l-mekkaniżmu minn ġo Brussell. Brussell mill-ERCC; Emergency Response Coordination Centre tara x’kapaċitajiet ikollha ta’ pajjiżi li lesti joffru l-għajnuna tagħhom u tibda titlob għall-għajnuna mill-pajjiżi rispettivi” Is-Sur Pace spjegalna kif fortunatament Malta qatt ma kellha bżonn li tiskatta dan il-mekkaniżmu iżda jekk xi darba jinqala diżastru li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jkollux ir-riżorsi biżejjed biex jaħdem, permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili Ewropew l-pajjiż jista’ jibda jirċievi l-għajnuna fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa.
Spjega li “Meta allaħares qatt jiġri xi ħaġa lilna u ma nkunux qegħdin inlaħħqu bir-riżorsi li jkollna aħna stess li jiġri huwa dan. Aħna nitolbu l-għajnuna, inkunu fi stat ta’ emerġenza fil-pajjiż allaħares qatt, l-għajnuna nitolbuha Brussel u jkunu huma li jaraw x’ikun hemm bżonn ġo dan il-fond li jisejjaħ voluntary pool u minn hemhekk tintbagħat l-għajnuna”
L-għajnuna li tintbagħat fil-pajjiż irid ikollha l-kapaċità li jfendu għar-rashom allura d-dipartimenti rispettivi m’għandu jkollhom l-ebda dipendenza fuq il-pajjiż affetwat.
Pace qal li temm billi qal li mhux il-ħin biss huwa importanti iżda anki l-fatt li dak il-grupp li jitla’ għandu jkollu l-kapaċitajiet li jfendi għalih innifsu mingħajr l-ebda dipendenza fuq id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-pajjiż milqut mid-diżastru.