Il-perjodu ta’ sentejn bejn l-1949 u l-1951, meta kienet toqgħod f’Malta, ir-reġina kienet tqisu bħala fost l-isbaħ żmien ta’ ħajjitha.
Dan kien il-mument ta’ qabel ma’ ħadet it-tron wara l-mewt ta’ missierha, ir-Re Ġorġ VI.
B’tifkira tar-Reġina Eliżabetta, li kienet tqis pajjiżna bħala darha ’l barra mir-Renju Unit, żorna Villa Gwardamanġa, fejn kienet toqgħod flimkien mal-Prinċep Filippu.
Fis-sala, quddiem il-kamra tas-sodda li kienet tuża Eliżabetta, tkellimna ma’ wieħed mill-kuraturi tal-Heritage Malta, Kenneth Gambin. Huwa spjegalna dwar ħajjet ir-Reġina, li dak iż-żmien kienet il-Prinċipessa Eliżabetta, f’mumenti li juru li r-Reġina Eliżabetta kienet tfittex li tgħix ħajja sempliċi.
“Naħseb l-aktar ħaġa importanti tar-rabta tal-familja Rjali, dak iż-żmien, tal-Prinċipessa u l-Prinċep Philip ma’ Malta, hija proprju dan: l-element uman. F’Malta kien l-ewwel, u kif kienu żviluppaw l-affarijiet, l-uniku ċans illi Philip u Elizabeth kellhom li jkunu familja normali, l-eqreb li setgħu jaslu għaliha possibbli, għax huma xorta kienu familja Rjali. Però, meta kienu hawnhekk, kienu ’l bogħod mid-doveri uffiċjali burokratiċi tal-Kuruna u setgħu jgħixu bħala familja. Meta ngħid bħala familja, jiġifieri setgħu jduru mal-gżira, jmorru jgħumu… Eliżabetta kienet tmur tagħmel xagħarha, tixtri, iddur bil-karozza, tagħmel mixjiet fil-kampanja – affarijiet li assolutament ma kinux ikunu possibbli li kieku baqgħu l-Ingilterra.”
Però, ir-Reġina Eliżabetta ma kienx jirnexxilha tgħix il-ħajja li kienet mixtieqha minnha li kieku ma kinitx il-persistenza tar-raġel tagħha, il-Prinċep Filippu, li ried jirritorna fis-servizz navali wara ż-żwieġ tagħhom.
Fil-fatt, kien għamel diversi talbiet lir-Re Ġorġ VI biex jagħtih permess jirritorna fis-servizz. Ir-Re, minħabba li saħħtu ma kinitx ittih, għall-ewwel kien qallu le għax il-Prinċipessa Eliżabetta kienet l-eredi tat-Tron. Iżda malli saħħtu rkuprat tah il-permess biex ikun parti mill-uffiċjali navali fil-bażi ta’ Malta.
Ir-Reġina, dak iż-żmien Prinċipessa, akkumpanjatu.
“Ma’ Philip ġiet, ovvjament, imbagħad il-mara tiegħu bħala l-mara ta’ uffiċjal navali, kif kien hawn nisa oħrajn ta’ uffiċjali navali oħrajn fin-NAVY. Però, kellhom problema: ma kellhomx fejn joqogħdu. Inzerta li, bħala uffiċjal għoli wkoll tan-NAVY Ingliża f’Malta kien hawn Louis Mountbatten, illi kien jiġi z-ziju ta’ Philip. Hu qalilhom, “Problema ma teżistix; ejjew miegħi.” Mountbatten kien joqgħod hawnhekk, f’Villa Guardamangia, u b’hekk Villa Guardamangia saret ukoll residenza tal-familja Rjali.”