L-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, ħabbar li, f’Novembru li għadda, Malta kellha l-akbar tkabbir fil-produzzjoni industrijali minn fost is-27 pajjiż membru.
Dan hekk kif pajjiżna rreġistra żieda ta’ 13.5% f’din l-attività meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel, bil-maqlub tal-bqija tal-Unjoni Ewropea fejn bħala medja kien hemm tnaqqis ta’ 1.7%.
Filfatt kien biss f’disa’ pajjiżi oħrajn li ġie rreġistrat tkabbir fil-produzzjoni, filwaqt li fis-17 l-oħrajn kien hemm tnaqqis. L-akbar tnaqqis seħħ fil-Kroazja fejn il-produzzjoni industrijali waqgħet bi kważi 7%.
Il-Ġermanja, meqjusa bħala l-mutur industrijali tal-Ewropa, rat tnaqqis ta’ aktar minn 3%.
Kontra dak li qed jiġri f’pajjiżi madwarna, il-qagħda tal-fabbriki lokali qed tkompli tkun waħda pożittiva, hekk kif, f’Novembru, kien hemm żieda ta’ 26% fil-produzzjoni ta’ prodotti intermedjarji, żieda ta’ 25% fl-oġġetti kapitali u żieda ta’ 7% fil-produzzjoni ta’ prodotti għall-konsum. Fl-istess waqt il-produzzjoni tal-enerġija kibret b’9%.
Ma’ dan, pajjiżna kellu żieda ta’ €91 miljun fl-esportazzjoni netta.
Skont JobsPlus, mill-2013, kien hemm żieda ta’ kważi 5,200 impjieg full-time u part-time fis-settur privat tal-manifattura. Dan meta taħt amministrazzjoni preċedenti l-impjiegi kienu naqsu b’aktar minn elfejn, waqt li kienu jagħmlu l-imħatri li din l-industrija kienet se tispiċċa.
Mill-2013 ’l hawn l-investiment dirett barrani fil-qasam tal-manifattura żdied bil-qawwi u issa kważi jlaħħaq it-€2.5 biljun.