“Bil-miżuri mħabbra fil-Budget 2024 il-Gvern Malti qed jassigura stabbiltà u serħan il-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul meta kien qed jindirizza konferenza Ministerjali dwar id-dħul minimu u l-inklussività soċjali fl-Ewropa, organizzata mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea Belġjana fi Brussell.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ellul qal kif fl-aħħar xhur pajjiżna kompla jinvesti f’miżuri biex jissaħħaħ id-dħul tal-familji u tal-pensjonanti. Huwa semma kif studju tal-Bank Ċentrali Malti kkonferma li l-ħlas tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja se jħalli effett pożittiv fuq il-purchasing power tal-familji. Dan filwaqt illi l-istess mekkaniżmu se jkun qed jgħin lil dawk li għandhom dħul baxx u lill-pensjonanti kontra l-inflazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar kif il-Gvern Malti laħaq ftehim mal-imsieħba soċjali kollha biex fl-1 ta’ Jannar 2024 daħlet fis-seħħ iż-żieda fil-paga minima nazzjonali. Dan flimkien mas-sussidji fuq il-kontijiet tal-enerġija, l-qmugħ u ċ-ċereali flimkien mal-istabbiltà fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel essenzjali.
“Din hija l-azzjoni progressiva u ħolistika tal-Gvern Malti sabiex nassiguraw li nkomplu nkabbru ekonomija reżiljenti li tkun ta’ sostenn kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.