Il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Cyrus Engerer saħaq fuq l-importanza kbira li għandhom l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej.
Huwa fakkar kif filwaqt li r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew huma mehdija jagħmlu ħsara lil pajjiżna, il-Partit Laburista huwa kommess li jkompli joħloq il-ġid fl-oqsma kollha tas-soċjetà Maltija.
“Fis-snin kollha li ħdimt fl-Unjoni Ewropea, qatt ma ltqajt ma’ MEP minn xi pajjiż ieħor li jqum u jikteb ir-riżoluzzjonijiet kontra pajjiżu bħal Casa u Metsola. Din hija mġieba ta’ min jistmerra.” qal Cyrus Engerer f’diskussjoni pubblika ‘Taħt it-Tinda’, f’Raħal Ġdid.
Engerer qal li l-aġir inaċċettabbli tal-Partit Nazzjonalista għandu jsaħħaħ il-konvinzjoni tal-elettorat sabiex jivvota lill-kandidati li jpoġġu lil Malta l-ewwel u qabel kollox.
Il-kandidati tal-Partit Laburista biss huma garanzija ta’ ħidma favur pajjiżna u t-tisħiħ tal-ġid li ħoloq Gvern Laburista fl-aħħar sitt snin.
Meta mistoqsi dwar il-prijoritajiet tiegħu jekk jiġi elett fil-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer tkellem dwar il-bżonn ta’ Ewropa li tħares l-interessi taċ-ċittadini kollha tagħha.
Minkejja l-progress kbir li qed tagħmel Malta, il-ħidma fil-Parlament Ewropew trid tgħin sabiex ikomplu jiġu megħjuna dawk l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà. Huwa qal li fil-Parlament Ewropew jiġu diskussi liġijiet li jaffetwaw lil kull Malti u Għawdxi, u għaldaqstant ir-rapreżentanti Maltin ma jistgħux jaħlu ħinhom jattakkaw lil pajjiżhom stess.
“Wasal iż-żmien li jkollna membru parlamentari Malti li jkun rappreżentant fil-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-fondi Ewropej. Irridu nkunu parteċipi fid-diskussjonijiet dwar fejn sejrin il-fondi tal-Unjoni Ewropea għas-7 snin li ġejjin, inkluż il-qasam tas-saħħa, ix-xogħol u l-edukazzjoni tagħna” qal Engerer.
F’messaġġ lil dawk preżenti, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis saħaq fuq il-kontribut importanti li jista’ jagħti Cyrus Engerer fil-Parlament Ewropew.
Huwa qal li fid-dawl li hemm min hu ħsiebu biss sabiex jagħti l-gambetti lil Malta, pajjiżna għandu bżonn nies bħal Cyrus Engerer li jiddefendu isem pajjiżna b’determinazzjoni.
Parnis fakkar ukoll fil-ħidma kbira ta’ Cyrus Engerer sabiex jattira bosta votanti ġodda lejn il-Partit Laburista.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qabbel il-prinċipji ta’ Cyrus Engerer mal-ideali progressivi tal-Partit Laburista. Semma kif il-Partit Laburista dejjem ħadem sabiex kulħadd ikollu d-dinjità tiegħu u jgħix ħajja diċenti, l-istess kif jiftakar lil Engerer minn meta’ ltaqa’ miegħu l-ewwel darba fil-kampanja favur l-introduzzjoni tad-divorzju.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar ukoll li Cyrus Engerer kien wera dawn il-prinċipji fil-ħidma tiegħu għall pajjiżna matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi spjega l-ħidma ta’ Cyrus Engerer fil-fora Ewropej bħala r-rappreżentant tal-Prim Ministru.
Il-Ministru Mizzi semma kif bis-saħħa tal-esperjenza u l-kuntatti li għandu Cyrus Engerer fuq livell Ewropew, pajjiżna seta’ jassigura li l-Unjoni Ewropea tieħu deċiżjonijiet li jkunu fl-interess ta’ Malta.
Meta kien qed iwieġeb għall-wieħed mill-intervent tal-pubbliku, Cyrus Engerer iddiskuta l-importanza li l-Unjoni Ewropea tieħu ħsieb il-futur tagħha.
Biex dan iseħħ, Engerer ħeġġeġ għal aktar parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea.