Malta hija l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li qed tlaqqam nies kontra l-Covid-19.
Dan skont informazzjoni riċenti li ħarġet u li fuq twitter urieha d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Issa Malta saħansitra qabżet lid-Danimarka fl-għoti tal-vaċċin għall-Covid-19.
Sal-bieraħ kienu tlaqqmu 14,276 persuna f’Malta.
Covid19: #Malta is now vaccinating #fastest in Europe 👍🏻 pic.twitter.com/kxISdxbbQ6
— Chris Fearne (@chrisfearne) January 20, 2021
Il-fatt li issa pajjiżna huwa l-aqwa fl-Unjoni Ewropea fir-rata tat-tilqim, jikkuntrasta ma’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni ftit tal-jiem ilu, f’intervista mal-ġurnalist t’esperjenza Reno Bugeja.
F’dik l-intervista, Bernard Grech qal kif pajjiżna għandu l-inqas rati ta’ dawk li ħadu t-tilqim għall-Covid-19.
Intant mal-istazzjon Euronews, id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar l-istrateġija ta’ Malta li tlaqqam lil dawk li huma fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija u l-aktar persuni vulnerabbli, fosthom l-anzjani.
Fearne qal mal-Euronews li kien importanti li pajjiż żgħir bħal Malta jimbotta ‘l quddiem ftehim konġunt sħiħ li jissalvagwardja kunsinji adegwati tal-vaċċin għal kull stat membru.
Chris Fearne semma wkoll iċ-ċertifikar tan-nies li jkunu ħadu l-vaċċin.
Qal li preżentament diġà hemm żoni ħomor, dawk l-aktar milquta mill-virus, u żoni ħodor, fejn l-imxija hija kkontrollata aħjar.
Qal li min ikollu x’juri li ħa l-vaċċin ikun jista’ jimxi minn pajjiż għall-ieħor, anki jekk jiġi minn pajjiż fejn hu milqut ferm mill-Coronavirus.