Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet it-tbassir għar-Rebbiegħa u fih qalet li Malta għandha “investiment b’saħħtu.” F’rapport ieħor mill-iktar pożittiv, il-Kummissjoni Ewropea qalet li “wara tkabbir ekonomiku b’saħħtu iktar milli mistenni fl-2015, it-tkabbir mistenni jimmodera iżda se jibqa’ robust fl-2016 u l-2017.”
Il-Kummissjoni Ewropea tfakkar li t-tkabbir is-sena li għaddiet kien ta’ 6.3%. “Il-mutur ewlieni huwa l-investiment,” tgħid il-Kummissjoni Ewropea li tisħaq kif kellu sehem ewlieni il-proġett tal-enerġija f’Dellimara. Ir-rapport jinnota kif minkejja l-gvern żied in-nefqa tiegħu id-defiċit niżel għal 1.5% tal-Prodott Domestiku Gross minn 2% fl-2014. Fost oħrajn kien innotat kif għen bil-kbir id-dħul tal-gvern il-fatt li f’Malta hawn impjiegi rekord. Kliem ta’ tifħir ukoll għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment u inizjattivi oħra li ħa l-gvern fl-aħħar xhur.