Fl-ewwel budget li ressaq il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna f’din it-tieni leġislatura ta’ Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Minsitru Joseph Muscat, il-baġit ippreżentat illejla jaħseb biex ilesti lil Malta għall-futur.
Il-biċċa l-kbira tal-miżuri mħabbra huma msejsa fuq il-programm elettorali tal-gvern il-ġdid. Fost oħrajn, tħabbar li kull min jaqla’ anqas minn 60,000 ewro se jibbenefika minn tnaqqis fit-taxxa b’ċekk.
Kif imwiegħed, il-ħaddiema se jibdew jingħataw lura l-btajjel pubbliċi li kienu jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa li nsterqu minn Gvern Nazzjonalista.
Il-baġit jaħseb ukoll li jindirizza l-problema dwar is-suq tal-kera fosthom permezz ta’ White Paper li permezz tagħha se jinħoloq qafas legali li jkun ġust kemm mas-sid u kemm mal-kerrej.
Fl-istess waqt tnieda incentiv ġdid għas-second time buyers waqt li ż-zgħazagħ ta’ bejn is-16 u l-20 sena se jivvjaġġaw b’xejn bit-tal-linja card.
Għall-ewwel darba wkoll, il-Gvern ressaq baġit mingħajr ebda taxxa jew zieda f’taxxa diretta jew indiretta. Deċiżjoni li ntalaqt b’ċapċip mid-deputati tal-Gvern u li fi kliem il-Ministru tal-Finanzi qatt ma ġrat f’baġit ta’ wara elezzjoni ġenerali.
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta l-ewwel baġit ta’ leġislatura ġdida ta’ Gvern ieħor Laburista b’għadd ta’ miżuri li jlestu lil Malta għal futur.
B’wiċċu minn quddiem, il-Professur Scicluna qal li l-Gvern se jitlaq minn punt ta’ tluq ferm differenti minn dak li telaq bih fil-leġislatura l-oħra wara li l-Gvern ħejja bażi soda u wettaq ħafna minn dak li wiegħed fil-Programm Elettorali b’mixja maħsuba, meqjusa u konsistenti.
Il-baġit għas-sena d-dieħla jinkludi għexieren ta’ proposti u inizjattivi ta’ fejda bil-għan li jkollna soċjeta aktar inklussiva.
Izda qabel beda l-elenku tal-miżuri, il-Ministru Scicluna ħabbar mill-ewwel li l-baġit ma fih l-ebda taxxa ġdida. Miżura ewlenija li mhi se tiekol xejn mit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Nixtieq ngħid li f’dan il-Baġit mhux se nkun qed inħabbar l-ebda taxxa ġdida, jew xi żieda f’dik eżistenti, la diretta u lanqas indiretta, jiġifieri la taxxa fuq id-dħul u lanqas taxxa fuq il-konsum. Dan ma nafu qatt li ġara f’baġit ta’ wara lelezzjoni. Dan nistgħu nagħmluh għax b’għaqal u responsabilità nħossu li l-finanzi għas-sena 2018 jippermettulna nagħmlu dan.
Waqt li għat-tielet sena konsekuttiva, il-Gvern se jżid il-pensjonijiet, fost il-miżuri ewlenin fil-budget għall-2018, il-Gvern ħabbar li kull min jaqla’ anqas minn sittin elf ewro se jibbenefika minn tnaqqis fit-taxxa b’ċekk, Se jibdew jintraddu lura l-festi pubbliċi lill-ħaddiema li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Il-Gvern se jaqbad il-barri minn qrunu fl-oqsma tal-housing soċjali u dak affordabbli
Il-Minsitru Scicluna sosnta li dan kollu huwa xprunat minn qagħda ekonomika ferm aktar soda minn dik ta’ erba’ snin ilu u bi pjan li jħares lejn Malta għall-futur.