Ġew inawgurati uffiċji ġodda għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, f’Pembroke.
L-għan primarju tal-Kunsill, li issa ġie elevat għal Korp Eżekuttiv, huwa li jibni rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ, u l-impjiegi, li għandhom iwasslu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki diversi fi sforz biex jitnaqqas id-distakk fil-ħiliet.
Il-viżjoni tal-Kunsill hija li titrawwem kultura ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, li tippermetti lin-nies jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fid-dinja dinamika tax-xogħol.
Il-Kunsill se jgħin fit-tfassil ta’ programmi immedjati u fuq medda ta’ snin biex istituzzjonijiet fosthom edukattivi u vokazzjonali iħarrġu lill-istudenti fil-ħiliet u l-kwalifiki li qed jintalbu mis-suq tax-xogħol.
Il-Kunsill anke se jaħdem biex jibni fuq ir-rabta tajba li diġà teżisti bejn l-MCAST u l-industrija biex jinħolqu korsijiet vokazzjonali u opportunitajiet ta’ taħriġ ġodda li jirriflettu l-bżonnijiet tal-ekonomija ta’ għada. Dan anke permezz ta’ istitut ġdid għas-snajja’ fl-MCAST.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet spjega li l-istrateġija li se jkun qiegħed iniedi dan il-Kunsill se tkun imfassla wara konsultazzjoni mal-partijiet kollha kkonċernati.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill, Jeffrey Pullicino Orlando, spjega li, sa issa, il-Kunsill kellhu mal-ħamsa u tletin laqgħa.
“Qed naraw b’mod konsistenti li l-iktar li jinħtieġ huwa fokus iktar fuq dawk li jissejħu l-ħiliet trasversali; ħiliet bħal tal-komunikazzjoni, ħiliet li għandhom x’jaqsmu mal-kapaċità tal-individwu li jaħdem bħala parti minn tim. Imma huwa importanti wkoll li tingħata importanza neċessarja lis-settur vokazzjonali. ”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, enfasizza li l-iżvilupp u l-użu effettiv tal-ħiliet fis-setturi kollha tas-soċjetà huma importanti biex jissaħħu l-benesseri ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna għall-futur.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, spjega li dan il-Kunsill se jgħin fit-trawwim u l-iżvilupp sħiħ taż-żgħażagħ biex jassiguraw li jkollhom post fis-suq ta’ xogħol.
“Dan huwa kunsill illi għandu rwol importanti ħafna għax irid jgħaqqad diversi stakeholders li jassiguraw li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-opportunitajiet kollha neċessarji sabiex ikollhom l-għodda u hemmhekk ikunu kapaċi, bil-ħiliet li jakkwistaw mis-sistema edukattiva, li jsibu posthom fl-industrija u fis-suq tax-xogħol.”