Pajjiżna huwa impenjat biex jagħti kontribut fl-inizjattiva WestMED biex ikollna baħar aktar nadif kif ukoll ekonomija blu aktar b’saħħitha. L-ekonomija blu timpjega madwar 11,000 persuna filwaqt li tiġġenera 406 miljun ewro f’valur miżjud gross.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg indirizza konferenza diġitali dwar l-inizjattiva WestMED fejn sostna li l-Gvern se jkun qed jagħti prijorità lill-innovazzjoni dwar tkabbir sostenibbli u se jikkolabora mal-imsieħba biex jara aktar impjiegi f’dan is-settur u livell tal-għajxien aħjar għan-nies tal-Mediterran, filwaqt li nissalvagwardjaw l-ibħra tagħna.
Il-Ministru Ian stqarr: “We also share the determination to recognise the importance of innovation and to develop new sustainable concepts, therefore like our WestMED partners, we are committed to good governance principles and to effectively explore opportunities for the sustainable development of the blue economy.”
Il-Ministru Borg semma wkoll li Malta tiddependi fuq l-ibħra tagħna mhux biss għall-konnettività, imma anke għall-impjiegi, it-turiżmu u t-tkabbir ekonomiku. Fl-aħħar nett, huwa tenna l-impenn tal-Gvern għall-inizjattiva WestMED u spjega li l-Gvern se jkompli jkun minn ta’ quddiem nett li jirrappreżenta l-interessi ta’ pajjiżna u tal-ibħra li jdawwar il-gżejjer Maltin.
Fi Frar li ġej, Malta qed tippjana li tospita t-tieni laqgħa ministerjali tal-UFM Blue Economy.