Ix-xewqa ta’ Università internazzjonali tal-Blockchain biex tibbaża ruħha f’pajjiżna sabet l-appoġġ tal-komunità tal-Blockchain dinjija. Saħaq dan ir-riċerkatur mill-Unviersità ta’ Oxford Joshua Broggi mar-rivista Forbes.
B’hekk, Woolf University, Università hekk imsejħa bla fruntieri, se tkun l-ewwel Università f’Malta li topera fuq it-teknoloġija tal-Blockchain.
Din se tkun qed toffri varjetà ta’ korsijiet, inkluż korsijiet online. L-Università se taħdem b’mod u manjiera li tħeġġeġ lil dak li jkun jistudja minn kull rokna tad-dinja permezz ta’ tutorials ppersonalizzati.Kuntratti online jieħdu ħsieb ukoll reġistru tal-attendenza, tlestija ta’ assignments, u ħlasijiet lill-għalliema, kif ukoll se jservu ta’ pjattaforma ta’ kif l-istudenti japplikaw għall-klassijiet.
Professuri minn Unviersitajiet differenti madwar id-dinja wrew interess li jissieħbu mal-Università tal-Blockchain, fosthom l-Unversitajiet ta’ Oxord u Cambridge, l-Università ta’ Kyoto fil-Ġappun, u King’s College f’Londra.
Jidher li l-Università għandha biżżejjed fondi biex tibda l-pjani preliminari biex tibbaża ruħha hawn Malta.
Malta għandha reputazzjoni eċċellenti bħala ‘il-gżira tal-Blockchain’,u bħala ekonomija li qed tappoġġja lil dan is-settur bi sħiħ. Għalhekk, riċerkaturi internazjonali qed iqisu lil Malta bħala sieħeb ideali għal Università bla fruntieri.
“Malta għandha reputazzjoni storika li tħares lil ‘hinn mill-fruntieri tagħha u qed tizviluppa qafas regolatorju mill-iktar b’saħħtu fit-teknoloġija. Il-politika edukattiva u l-politika tal-Blockchain appoġġjaw ix-xewqa ta’ Woolf University, u aħna ħerqana biex inkomplu naħdmu mal-gżira tal-Blockchain”, stqarr ir-riċerkatur Joshua Broggi lir-rivista Forbes.